Jannar 2023 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Inawgurata s-Sala Oliver Friggieri

Fid-9 ta' Frar is-sala tal-Melitensia fil-Librerija tal-Università ssemmiet għall-Professur Oliver Friggieri. Flimkien mar-Rettur, il-Prof. Alfred Vella, attendew bintu Sarah u qraba oħra, il-membri tad-Dipartiment tal-Malti, akkademiċi u membri tal-istaff. Il-Prof. Arnold Cassola għamel diskors qasir fuq it-tifkiriet tiegħu ma' Oliver f'perjodi u ċirkostanzi differenti. Il-librara tal-Melitensia ħejjew wirja b'xi pubblikazzjonijiet u manuskritti tal-Prof. Friggieri għal din l-okkażjoni. 

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara oħrajn.

Kors fil-kitba kreattiva

Dan il-kors prattiku u intensiv jiffoka fuq in-novella u forom oħra ta' proża bil-Malti. Matulu jiġu mistħarrġa aspetti fundamentali tal-kitba narrattiva u kif din tiġi ppreżentata quddiem udjenza. Tingħata ħarsa lejn dak li nkiteb u qed jinkiteb lokalment, u jiġu diskussi l-karatteristiċi speċifiċi tan-novella, l-istrateġiji narrattivi, l-iżvilupp tal-karattri, ir-ritmu tal-proża, il-vuċi u t-ton, fost l-oħrajn. Il-kors mifrux fuq tmien sessjonijiet ta' sagħtejn, u l-istudenti jkollhom il-ħin biex jaħdmu fuq l-istorja tagħhom qabel ma jippreżentawha fi tmiem il-kors. 

Agħfas fuq l-istampa biex tapplika u għal aktar tagħrif. L-applikazzjonijiet jagħlqu fid-9 ta' Frar 2023.

Seminar Bejnietna
Fit-23 ta' Frar sar it-tielet seminar ta' riċerka għal-letturi tad-Dipartiment tal-Malti. Il-preżentazzjoni ewlenija saret mill-Prof. Adrian Grima li tkellem dwar ir-riċerka tiegħu fuq l-eqdem żewġ rumanzi bil-Malti miktuba minn mara. Mal-kollegi sħabu ddiskuta numru ta' sfidi editorjali li ltaqa' magħhom u li għadu qed isib fil-proċess li għandu jwassal għall-pubblikazzjoni tal-ewwel rumanz li Concetta Brincat temmet fl-1919, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk. Is-seminar serva wkoll biex jiġu diskussi l-proġetti u l-ħidma amministrattiva tad-Dipartiment.    
Żewġ taħditiet tal-proġett 'It-Tradizzjoni Orali'

Dan ix-xahar saru żewġ taħditiet: waħda minn Kenneth Cauchi fuq id-daqq tal-qniepen u oħra minn Simon Salafia fuq l-istramberiji fl-ismijiet ta' mkejjen Għawdxin. Cauchi tkellem fuq il-qniepen bħala wirt tanġibbli u intanġibbli, u wera l-importanza li kellhom fil-ħajja ta' kuljum fl-imgħoddi. Fit-taħdita tiegħu, Salafia rrefera għar-riċerka li ppubblika fiż-żewġ volumi The Place-Names of Gozo u tkellem fuq l-importanza tas-sorsi orali għat-toponomastika, jiġifieri l-istudju tal-ismijiet tal-postijiet. Fl-aħħar parti tat-taħdita ddiskuta kurżitajiet f'ismijiet bħall-Veċċa, Wied Sofar, Wied Infern, u s-Saqqajja u r-rabta tagħhom mal-ismijiet tan-nies u ma' kliem li m'għadux jintuża.

Fis-16 ta' Marzu 2023, Amy Azzopardi se tagħti taħdita dwar it-talb orali f'Għawdex. Tagħrif ieħor issibu fil-paġna tat-Tradizzjoni Orali. 

Agħfas fuq ir-ritratt u segwi t-taħdita ta' Simon Salafia li tibda minn 19:48
It-taħdita ta' Kenneth Cauchi tibda minn 6:53.

Ħajr lill-Klabb Kotba Maltin u lill-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta' Malta għall-għajnuna tagħhom fil-proġett tat-Tradizzjoni Orali.


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija