Frar 2023 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Il-Premju Oliver Friggieri u l-Premju Ġużè Aquilina

Fis-16 ta' Frar sar is-Seminar tat-Teżini, appuntament annwali tad-Dipartiment tal-Malti li għalih jattendu l-letturi u l-istudenti kollha tal-Baċellerat. Waqt is-seminar Romilda Pace ngħatat il-Premju Oliver Friggieri għall-istudju tagħha fuq il-figura politika fil-poeżija ta' Oliver Friggieri nnifsu u Sara Kristina Abela ngħatat il-Premju Ġużè Aquilina għall-istudju tagħha fuq it-temi u l-lirika tal-innijiet reliġjużi Maltin. Dawn iż-żewġ gradwati u tnejn oħra, Mattea De Marco u Francesca Zammit, għamlu preżentazzjoni dwar it-teżini tagħhom li ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-bord tal-eżaminaturi tad-Dipartiment tal-Malti.  

Agħfas fuq ir-ritratt għal aktar tagħrif u ritratti oħra.

Seminar għar-riċerkaturi postgradwatorji

It-tieni seminar konġunt tal-Appuntamenti mar-Riċerka ta' din is-sena akkademika sar online fit-8 ta' Frar. Is-Sa Justine Somerville tkellmet dwar ix-xewqa tad-Dipartiment tal-Malti li aktar studenti postgradwatorji jieħdu sehem f'konferenzi akkademiċi barra minn Malta. Semmiet ukoll l-appoġġ li qed jagħti d-Dipartiment għal dan l-għan. Wara, is-Sur Thomas Pace tkellem fuq xi għodod ta' referenzjar li jgħinu fil-kitba akkademika, u fl-aħħar intervent is-Sur Joseph Buttigieg u Dr Michael Spagnol tkellmu dwar l-użu tal-Korpus tal-Malti (MLRS) u riżorsi diġitali oħra li jistgħu jintużaw fir-riċerka. 

Agħfas fuq l-istampa biex tara xi ritratti mis-seminar u tkompli taqra dwaru.

60 sena mill-mewt ta' Rużar Briffa
Fit-22 ta' Frar 1963 ħalliena Rużar Briffa, speċjalista tal-ġilda u poeta liriku li fl-1931 waqqaf l-Għaqda tal-Malti ma' Ġużè Bonnici. Il-poeżija ta' Briffa titqies minn ħafna bħala pont bejn il-poeżija Romantika u l-poeżija tal-ġenerazzjoni li ġiet wara. Rużar Briffa kiteb għadd ta' poeżiji li jirriflettu fuq in-nazzjonalità Maltija, bħal 'Jum ir-Rebħ', imma jibqa' magħruf l-aktar għall-poeżiji intimi tiegħu, bħalma hi 'L-Għanja tal-Imnikket' li fiha jsir ħaġa waħda mal-bniedem li qed ibati. Dwar dan u aktar jitkellmu l-Prof. Adrian Grima u Dr Immanuel Mifsud fil-programm Ilsienna.     
 
Tista' tisma' wkoll l-intervista li kien għamel il-Prof. Ġużè Aquilina lil Rużar Briffa f'Marzu 1962, sena qabel mewtu.  
L-attivitajiet tal-Għaqda tal-Malti waqt il-Kampus Kotba

Għal sena oħra, l-Għaqda tal-Malti – Università se tieħu sehem fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus u se ttella' tliet attivitajiet. Tlaqna sal-Melitensia hi attività annwali li ssir b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti. Min jattendi jkun jista' jżur il-parti tal-Melitensia li s-soltu ma tkunx miftuħa għall-pubbliku. Se ssir fit-22 ta' Marzu fil-11am u dawk li jixtiequ jattendu għandhom jitkbu lill-Għaqda fuq info@ghmu.org.mt. Dakinhar fit-3pm se ssir ukoll l-attività BA fil-Malti? Għaliex? Fiha l-istudenti tal-Junior College li qed jistudjaw il-Malti fil-Livell Avvanzat se jiltaqgħu ma' studenti universitarji u gradwati tal-Malti, u jkollhom l-opportunità jitkellmu magħhom dwar il-kors tal-Baċellerat. L-aħħar attività hija Poeżija Slam u matulha l-parteċipanti jridu jippreżentaw poeżija oriġinali b'mod animat. Din se ssir fit-23 ta' Marzu fis-2pm u jintlaqgħu l-ewwel 12-il persuna li japplikaw.

Agħfas fuq l-istampa għall-programm ta' Kampus Kotba 2023.


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija