Novembru 2023 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Serata għall-Prof. Arnold Cassola

Il-Ġimgħa 10 ta' Novembru, fis-Sala Pietru Pawl Saydon, l-Università ta' Malta, iltqajna biex niċċelebraw il-ħidma akkademika tal-Prof. Arnold Cassola li ilu jagħti sehmu fid-Dipartiment tal-Malti mill-1988 u f'Ottubru li għadda nħatar Senior Fellow. Dakinhar uħud mill-kollegi tiegħu għamlu preżentazzjoni jew diskors, u l-Prof. Bernard Micallef għamillu intervista qasira. Minkejja li ħafna mill-interventi ma eskludewx il-lat politiku u attivist tiegħu, iffukaw fuq ir-riċerka lingwistika u letterarja, u r-riċerka ta' valur storiku tiegħu bħalma hi dik fuq iż-żewġ dizzjunarji, Regole per la Lingua Maltese u Il Mezzo Vocabolario, u r-rakkont tal-Assedju l-Kbir mill-perspettiva tal-Ottomani, The 1565 Ottoman "Malta Campaign Register". Minbarra l-ħidma sfiqa tal-Prof. Cassola, matul is-serata spikkaw l-umoriżmu, l-umiltà, u s-sensittività li hu magħruf għalihom mal-kollegi. 

Ritratt ta' Virginia Monteforte.

Jiggradwaw l-istudenti bil-Baċellerat fil-Malti

Il-ġimgħa l-oħra saret iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-Baċellerat fl-Arti, fis-Sala Sir Temi Zammit. Bejn Ġenerali u Unuri, din is-sena ggradwaw 24 studenta u student tal-Malti. Fosthom kien hemm Ilona Sciberras li kisbet l-ewwel post minn dawk kollha li ggradwaw f'din iċ-ċerimonja u għalhekk tlibbset it-toga mir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella. Uħud mil-letturi tal-Malti tkellmu mal-istudenti wara ċ-ċerimonja u ħadu gost jisimgħu fuq it-toroq differenti li qabdu. Id-Dipartiment tal-Malti kburi bihom u jawguralhom kull suċċess fil-vjaġġ il-ġdid tagħhom. 

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat taċ-ċerimonja: jibda 22:00

Konferenza dwar il-lingwa inklużiva u l-kontenut aċċessibbli

Nhar is-Sibt 2 ta' Diċembru se ssir il-konferenza Niktbu għal Kulħadd li qed tittella' bi sħab bejn id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, id-Dipartiment tal-Malti, u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar fl-Università ta' Malta. 

Se jiġi diskuss il-kontenut sensittiv fil-mezzi tax-xandir, il-lingwaġġ inklużiv, u l-aċċessibbiltà tal-kontenut, u se jsiru xi workshops fi gruppi żgħar dwar il-kitba ċara u l-inklużjoni. Il-kelliem ewlieni huwa l-Prof. Jorge Díaz Cintas, pijunier tat-traduzzjoni awdjoviżiva u direttur fundatur tas-CenTras fil-UCL.

Tista' tattendi bla ħlas billi tinkiteb hawnhekk

Ara l-programm u agħfas fuq il-poster għal tagħrif ieħor. 

Tixtieq tara l-film ibbażat fuq ir-rumanz ta' Alex Vella Gera?
Il-film Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi jew A Vipers' Pit se jintwera l-Università ta' Malta l-Erbgħa 6 ta' Diċembru f'nofsinhar. Wara l-film se jkun hemm sessjoni ta' Mistoqsija u Tweġiba ma' Teodor Reljić, il-kittieb tal-iskript, u Martin Bonnici, id-direttur. Dan l-adattament huwa bbażat fuq ir-rumanz ta' Alex Vella Gera, ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2012, u ntwera fiċ-ċinema fl-2021. 
Dan l-avveniment qed jittella' bħala parti mit-taqsima-studju 'L-adattament tal-letteratura Maltija għall-film' u huwa miftuħ għall-istudenti kollha tal-Malti u dawk interessati. Għal tagħrif ieħor ikteb lis-Sa Justine Somerville fl-indirizz justine.somerville@um.edu.mt
 
Agħfas fuq l-istampa biex tara t-trailer tal-film.   

Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija