Ottubru 2024 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Merħba lill-istudenti tal-Malti

Fil-ftuħ ta' kull sena akkademika nieħdu gost nilqgħu mill-ġdid lill-istudenti li jkomplu l-kors u niltaqgħu mal-istudenti l-ġodda li jibdew jistudjaw mad-Dipartiment tal-Malti. Bl-appoġġ tal-membri ħabrieka tal-Għaqda tal-Malti – Università tajna merħba speċjali lill-istudenti tal-ewwel sena permezz tal-attività annwali merħBA bikom. Bis-saħħa tal-programm imwżewwaq li tħejja, l-istudenti mhux biss skoprew x'tagħmel l-Għaqda u kif jistgħu jinvolvu ruħhom, imma saru jafu lil xulxin u lil uħud mil-letturi f'ambjent informali u b'logħob divertenti. 

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara oħrajn.

Riċerkaturi: ir-raba' ħarġa

Ftit tal-ġimgħat ilu nedejna r-raba' edizzjoni tar-rivista akkademika Riċerkaturi. Din ir-rivista annwali, editjata mill-Prof. Michael Spagnol, tiġbor artikli ta' studenti tal-BA (Unuri) imsejsa fuq it-teżi tagħhom biex ir-riċerka fejjieda li jkunu għamlu ma tibqax fuq xkaffa marsusa bejn żewġ qoxriet, imma tinfetaħ għal udjenza usa'. Ir-raba' ħarġa tikkonsisti f'sitt artikli: Jean Paul Borg jesplora t-tema tal-familja fil-poeżija ta' Antoine Cassar; Ritianne Camilleri tiddiskuti l-għana tal-fatt fit-tieni nofs tas-seklu 19; Kyleen Ciantar tanalizza l-ġens grammatikali ta' nomi missellfa mill-Ingliż; Anthea Enriquez tiffoka fuq il-vjolenza fir-rumanzi ta' Ġużè Muscat Azzopardi; Deborah Muscat tistudja l-funzjoni avverbjali ta' forom aġġettivali; u Francesca Marie Sacco tistħarreġ il-poeżiji ta' Victor Fenech dwar l-imħabba

Agħfas fuq il-qoxra biex taqra din il-ħarġa online.

Iż-żjara tal-Prof. Kiene Brillenburg Wurth
F'nofs Ottubru lqajna lill-Prof. Brillenburg Wurth, il-Kap tat-Taqsima tal-Letteratura Komparattiva fl-Università ta' Utrecht. Matul iż-żjara tagħha tkellmet mal-istudenti tal-Malti tat-tieni sena dwar is-sublimi u l-intermedjalità b'rabta mal-mużika, il-poeżija u l-arti viżiva. Tat ukoll taħdita pubblika fuq il-kanzunetta 'I Feel Love' ta' Donna Summer u, fost l-oħrajn, iddiskutiet l-appell tagħha għall-kulturi tal-Liberazzjoni Queer tas-sebgħinijiet. Hija ppreżentat din il-kanzunetta bħala xogħol li jiċċelebra l-imħabba bħala "ftuħ kontinwu," kunċett ewlieni fil-filosofija Zen.

Kemm damet fostna l-Prof. Brillenburg Wurth iltaqgħet ukoll ma' żewġ studenti postgradwatorji li tkellmu magħha fuq ir-riċerka tagħhom. F'laqgħa oħra l-membri akkademiċi li jgħallmu l-letteratura fid-Dipartiment tal-Malti ddiskutew magħha l-irwoli tax-Xjenzi Umanistiċi u modi kif jistgħu jkomplu jaħdmu flimkien fuq proġetti ta' riċerka u tagħlim. 
 
Din iż-żjara kienet parti mill-kollaborazzjoni ta' bejn iż-żewġ dipartimenti li bdiet fi Frar li għadda biż-żjara tal-Prof. Adrian Grima, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, fl-Università ta' Utrecht.
Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra artiklu bl-Ingliż li ġie ppubblikat fi Newspoint.
Frattarija u teatrini: l-istorbju fil-kitba ta' Juann Mamo

Il-Ħamis 14 ta' Novembru se tittella' serata li tiċċelebra n-narattiva ta' Juann Mamo. Permezz tal-qari animat ta' Bradley Cachia u Kristina Catania se tingħata prominenza lit-teatralità satirika li xxekkel l-iżvilupp tal-karattri u l-ġrajjiet fir-rakkonti ta' Mamo. L-interventi kritiċi tal-Prof. Bernard Micallef se jispjegaw kif tinbena l-eċċessività fil-mutetti, il-ħsejjes, u l-manjieri vulgari tal-karattri, u kultant tan-narratur innifsu. 

Din l-attività hi organizzata mill-Fondazzjoni tal-Ġiżwiti f'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti – Università. Tibda fis-7:30 PM u se ssir fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt

Agħfas fuq l-istampa għal tagħrif ieħor.


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija