Mejju 2022 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Mattea Demarco u Maureen Borg fil-Lista tad-Dekan

Id-Dipartiment tal-Malti jifraħ lil Mattea Demarco u Maureen Borg, studenti tat-tielet sena, li daħlu fil-Lista tad-Dekan. Dan ir-rikonoxximent jingħata lill-istudenti li jiksbu riżultati eċċellenti fl-ewwel sentejn tal-kors tagħhom. Din is-sena ngħata lil 11-il student/a b'kollox, ilkoll ġejjin minn dipartimenti differenti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti. Minbarra d-Dekan, il-Prof. Domnic Fenech, għaċ-ċerimonja li saret l-Erbgħa 11 ta' Mejju fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, kienu preżenti Dr Michael Spagnol u l-Prof. Adrian GrimaId-Dipartiment tal-Malti ta voucher tal-kotba liż-żewġ studenti bil-ħsieb li jgħinhom fix-xogħol ta' riċerka tagħhom. 

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara ritratti oħra li ttieħdu waqt iċ-ċerimonja.

Aktar tagħrif dwar il-Lista tad-Dekan 2022.

Isma' taħdita dwar Gaetano Kanta u l-kanzunetta popolari

Aktarx huma ħafna li semgħu verżjoni jew oħra tal-kanzunetta "Arrivederci Roma" ta' Renato Rascel (1955) li matul is-snin ġiet addattata u interpretata minn diversi kantanti, fosthom Dean Martin, Anne Shelton, u Mario Lanza u Luisa Di Meo fil-film Seven Hills of Rome. Imma kemm hawn minna jafu li teżisti verżjoni bil-Malti, jew li ġieli semgħuha? "Arrivederci Malta" ta' Gaetano Kanta hija l-verżjoni bi lsienna tal-kanzunetta ta' Rascel, u tittratta l-emigrazzjoni tal-Maltin wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Minbarra li addatta kanzunetti popolari mit-Taljan u mill-Ingliż għall-Malti u għall-kuntest lokali kontemporanju, kiteb ukoll kanzunetti oriġinali. F'taħdita organizzata mill-membri tal-proġett tat-Tradizzjoni Orali, ir-riċerkatriċi Dorothy Bezzina titkellem dwar nannuha, Gaetano Buttigieg (1923-2004), li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-użu tal-ilsien Malti fil-qasam tal-kanzunetta popolari. Il-ħiliet tiegħu li jikteb b'ħeffa kbira u jipproduċi versi melodjużi qabbduh it-triq tas-suċċess li wasslitu biex jiġi apprezzat minn ħafna Maltin.     

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat tat-taħdita li saret fis-7 ta' Mejju 2019 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti. It-taħdita tinkludi siltiet minn kanzunetti ta' Gaetano Kanta, fosthom silta minn "Arrivederci Malta", interpretata minn Dorothy Bezzina u l-pjanista Edward Mifsud.

Nhar it-Tnejn 30 ta' Mejju 2022 se ssir serata taċ-ċajt bis-sehem ta' Trevor Żahra u Vince Piccinino, b'intervent ta' Thea Farrugia li rriċerkat iċ-ċajt għat-teżi tal-Baċellarat tal-Arti fil-Malti. Aktar tagħrif issibuh fuq il-paġna tal-attività tat-Tradizzjoni Orali.

It-tielet ħarġa tar-rivista 'Riċerkaturi'

Riċerkaturi hi rivista tad-Dipartiment tal-Malti b'artikli msejsa fuq għażla ta' teżini tal-BA (Unuri) fil-Malti. Din il-ħarġa tinkludi l-isforzi ta' sitt riċerkaturi żgħażagħ li daru madwar għadd ta' temi linwgistiċi u letterarji. Matthew Chappell jesplora l-kunċett tal-universalità fil-letteratura waqt li Maria Agius tiddiskuti l-istorja u l-karatteristiċi tal-lirika fil-poeżija. L-artikli l-oħrajn jaqbdu mal-varjazzjoni fil-lingwa minn angoli differenti. Franklyn Baldacchino jippreżenta studju soċjolingwistiku dwar it-taħlit tal-Malti u l-Ingliż fit-taħdit. Raffaello Bezzina janalizza l-allomorfija, il-varjazzjoni morfofonetika, f'kategorija nominali. L-aħħar tnejn jiffukaw fuq id-djaletti: Yasmin Camilleri tiddeskrivi s-sistema fonoloġika tal-Imġarri mentri Diane Cutajar tistħarreġ id-differenzi lessikali f'erba' lokalitajiet fil-gżejjer Maltin. 

Agħfas fuq l-istampa biex taqra verżjoni diġitali ta' din il-ħarġa.

Ix-xogħlijiet inediti ta' Mary Meylak

Mary Meylak twieldet Għawdex fl-1905 u hija l-ewwel poeta mara Maltija li nafu biha. Fost l-oħrajn, ippubblikat rumanz u sitt kotba ta' poeżiji minn butha. Minbarra dawn, kitbet xi drammi, mill-inqas erba' pitazzi ta' poeżiji, u xogħlijiet oħra ta' proża li ma ġewx ippubblikati. Nhar is-Sibt 28 ta' MejjuDr Immanuel Mifsud se jagħti taħdita dwar ix-xogħlijiet inediti ta' Meylak, b'enfasi fuq il-manuskritti tal-poeżiji tagħha. 

Din it-taħdita qed tiġi organizzata minn Klabb Kotba Maltin bl-għajnuna ta' Fondazzjoni Belt Victoria. Tibda fil-11am u se ssir fil-mużew Il-Ħaġar, fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex. Id-dħul huwa b'xejn u dawk li jixtiequ jattendu huma mħeġġa jibagħtu email fuq events@heartofgozo.org.mt

Isma' intervista li saret lil Mary Meylak erba' ġimgħat qabel mietet, fl-1975.

Agħfas fuq ir-ritratt għal tagħrif ieħor dwar it-taħdita ta' nhar is-Sibt.


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija