Settembru 2022 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Serata għall-Prof. Albert Borg

Ftit tal-ġimgħat ilu d-Dipartiment tal-Malti organizza seminar biex jiċċelebra l-karattru ġenjali u l-ħidma akkademika kbira tal-Prof. Albert Borg, li għadu kif irtira. Għadd ta' kollegi Maltin u barranin u studenti fakkru l-kontribut imprezzabbli tiegħu fl-oqsma tal-lingwa u l-kultura. Huma tkellmu dwar ir-riċerka u t-tagħlim fil-lingwistika sinkronika u s-sintassi tal-Malti, u r-rwol strumentali li kellu għall-viżibilità tal-istudju tal-Malti fl-isfera akkademika internazzjonali u fit-twaqqif tal-Istitut tal-Lingwistika. Fl-interventi tal-kelliema u l-parlata bejnu u l-Prof. Manwel Mifsud spikkaw il-ġenerożità, l-umiltà, u l-umoriżmu li dejjem żewqu l-karriera tiegħu. 

Agħfas fuq il-poster tas-serata biex tara aktar ritratti.

L-Għaqda tal-Malti waqt Freshers' Week

Kull sena l-Għaqda tal-Malti tieħu sehem fi Freshers' Week biex tiltaqa' mal-istudenti kollha, speċjalment mal-istudenti l-ġodda tal-kors tal-B.A. fil-Malti. Fit-3 u l-5 ta' Ottubru rappreżentanti tal-Għaqda se jkunu ħdejn il-Librerija jilqgħu lil dawk li jixtiequ jsiru membri jew iridu aktar tagħrif fuq l-Għaqda u l-attivitajiet li torganizza. 

Il-Ġimgħa 7 ta' Ottubru se tittella' s-sessjoni "MerħBA bikom" b'logħob divertenti għall-istudenti tal-ewwel sena tal-B.A. 

Agħfas fuq l-istampa u aqra dwar l-aħħar attivitajiet tal-Għaqda.

Wirja dwar Ninu Cremona

F'għeluq il-50 sena mill-mewt ta' Ninu Cremona, kittieb u studjuż ewlieni tal-Malti, il-Librerija tal-Università qed ittella' l-wirja “Ninu Cremona: ħajtu u ħidmietu”. Fost id-dokumenti esebiti hemm il-manuskritt tax-xogħol magħruf Il-Fidwa tal-Bdiewa, xi korrispondenzi, u kitbiet ta' diversi studjużi dwar Cremona u l-ħidma tiegħu. Hemm ukoll studji fuq il-grammatika, it-terminoloġija, u l-folklor. 

 
Il-wirja qiegħda fid-daħla tal-Librerija Prinċipali u tista' żżurha sat-30 ta’ Diċembru 2022.

Agħfas fuq l-istampa biex tisma' intervista li l-Prof. Ġużè Aquilina għamel lil Ninu Cremona fl-1961.

Seminar fuq Guido Lanfranco

Il-Ħamis 6 ta’ Ottubru fis-6pm se jsir seminar pubbliku bl-isem “Jien Kurjuż fuq Kollox” – il-Kelma ta’ Guido Lanfranco. Dan is-seminar se jistħarreġ aspetti mill-ħidma ta’ Lanfranco fuq it-tradizzjoni orali, u se jieħdu sehem tmien kelliema: Dr Sandro Lanfranco, Prof. Mark Anthony Falzon, Prof. Adrian Grima, Dr Michael Spagnol, Michael Deguara, Kenneth Cassar, Rita Saliba, u Yanika Schembri Fava.

Is-seminar miftuħ għall-pubbliku u se jsir fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università. Se jixxandar ukoll dirett fuq Facebook.

Għal tagħrif ieħor agħfas fuq ir-ritratt u segwi l-paġna tat-Tradizzjoni Orali.

Ħajr lill-Klabb Kotba Maltin u lill-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta għall-għajnuna tagħhom biex isir dan is-seminar li hu parti mill-proġett dwar it-Tradizzjoni Orali. 


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija