Ottubru 2022 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Merħba lill-istudenti tal-ewwel sena

Nhar il-Ġimgħa 7 ta' Ottubru, id-Dipartiment tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti taw merħba daqsxejn differenti mis-soltu lill-istudenti tal-ewwel sena permezz tal-attività merħBA bikom. Il-membri ħabrieka tal-Għaqda tal-Malti ħejjew programm, bl-għajnuna ta' Dr Michael Spagnol u s-Sa Justine Somerville, biex l-istudenti jsiru jafu aħjar lil xulxin, lill-Għaqda, u lid-Dipartiment. B'logħob bħal Irreċtani Kompli l-lirika, l-istudenti ma damux ma ntebħu li, minbarra l-interess tagħhom fil-Malti, jgħaqqduhom gosti u karatteristiċi oħrajn.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara oħrajn.

Kors tal-ortografija online

Fis-26 ta’ Ottubru se jibda kors tal-ortografija li jibda mill-bażiku nett u se jsir online kull nhar t'Erbgħa minn 12pm sas-2pm għal tmien ġimgħat. Il-kors Tisħiħ fil-Kitba tal-Malti 1 joffri tagħrif u taħriġ ortografiku li bih l-istudenti jkunu jistgħu jsaffu l-kitba tagħhom mill-iżbalji u jaġġornaw ruħhom mar-regoli ewlenin tal-ortografija Maltija. Huwa miftuħ għall-istudenti tal-Università u tal-iskejjel postsekondarji, u għall-pubbliku ġenerali (16+). Biex tapplika ikteb lil degreeplus@um.edu.mt u inkludi l-kodiċi tal-kors (DGP0453) u n-numru tal-karta tal-identità. 

Agħfas fuq l-istampa jew l-isem tal-kors għal aktar tagħrif.

Taħdita mill-Prof. Christophe Pereira
Prof. Christophe Pereira se jagħti taħdita pubblika bl-Ingliż bit-titlu Conditionals in Tripoli Arabic. Din se ssir l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru, fil-5.30pm, fis-Sala Pietru Pawl Saydon (ALT), l-Università ta’ Malta, u hija miftuħa għall-istudenti, l-akkademiċi, u l-pubbliku ġenerali. Pereira huwa Professur tal-Għarbi tal-Magreb fl-INALCO, Università f’Pariġi li ilha tikkollabora mad-Dipartiment tal-Malti mis-snin disgħin. Fir-riċerka tiegħu jispeċjalizza fid-deskrizzjoni tal-Għarbi mitkellem fi Tripli, il-Libja. Fl-2008 kiseb id-dottorat u fl-2010 ppubblika monografija dwar l-istess varjetà. Fil-ġimgħa li se jagħmel Malta, il-Prof. Pereira se jagħti taħditiet u jmexxi seminars mal-istudenti tal-Malti li qed isegwu l-kors tal-Baċellerat u ma' oħrajn postgradwatorji. 

Il-ġimgħa ta' wara, fl-4 ta’ Novembru, fit-3pm, Dr Anja Mrak, mistiedna oħra tad-Dipartiment tal-Malti, se tagħmel taħdita pubblika bl-Ingliż dwar xejriet fin-narrattiva Slovena kontemporanja

Agħfas fuq l-istampa għal aktar tagħrif dwar it-taħdita ta' Prof. Christophe Pereira.

"L-Għarusa" ta' Ġużè Diacono

Din is-sena jaħbat l-għoxrin anniversarju mill-mewt u l-mija u għaxar sena mit-twelid ta’ Ġużè Diacono, id-drammaturgu li huwa rikonoxxut bħala dak li introduċa r-realiżmu fuq il-palk Malti. Għal din l-okkażjoni Teatru Malta qiegħed itella’ d-dramm “L-Għarusa”, b’addattament liberu u direzzjoni ta’ Dr Immanuel Mifsud. Minbarra l-kitba ta’ drammi, Diacono huwa magħruf għal dak li aktarx huwa l-ewwel studju tat-teatru bil-Malti, il-ktieb Wara Ibsen, li jagħti ħarsa lejn l-iżviluppi teatrali fl-Ewropa fis-seklu għoxrin. Diacono kien membru tal-Għaqda Kittieba tal-Malti u kofundatur tal-Għaqda Awturi Maltin. 

"L-Għarusa" se jsir fl-Armerija tal-Kavallieri fil-Birgu mill-21 sal-31 ta' Ottubru. Agħfas fuq il-poster biex tixtri biljett. Ir-ritratt ta' fuq il-poster huwa ta' Ritty Tacsum.

Isma' taħdita ta' Ġużè Diacono fuq id-drammi tiegħu.


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija