Diċembru 2022 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Żjara fiċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fi Bremen

Fl-2012 twaqqaf iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fl-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja. Bi ftehim ġdid li sar f’Ġunju li għadda, issa twaqqfet ukoll fergħa lokali li se tkun inawgurata x-xahar id-dieħel. Fid-dawl ta’ dan it-tiġdid, Michela Vella u Raffaello Bezzina, iż-żewġ uffiċjali tar-riċerka li qed jamministraw il-fergħa lokali, marru l-Ġermanja biex jiddiskutu l-futur taċ-Ċentru u jieħdu sehem f’xi attivitajiet tal-‘Linguistics Week’ organizzati mid-Dipartiment tal-Lingwistika fl-Università ta’ Bremen. Iltaqgħu wkoll mal-Prof. Thomas Stolz u Maike Vorholt, id-Direttur u l-Amministratriċi ta’ dan iċ-Ċentru. F’din iż-żjara kienu akkumpanjati mill-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Dr Michael Spagnol

Agħfas fuq ir-ritratt għal aktar tagħrif.

Qari ta' poeżiji ta' Doreen Micallef

Wieħed u għoxrin sena ilu, fl-1 ta' Diċembru 2001, ħallietna l-poetessa u drammaturga Doreen Micallef. Hi twieldet il-Furjana f’Mejju tal-1949 u għexet il-Belt fejn illum hemm is-sede tal-Akkademja tal-Malti. Wara Mary Meylak, Micallef kienet waħda mill-ewwel nisa rikonoxxuti bħala kittieba. Is-sena l-oħra d-Dipartiment tal-Malti stieden lill-poeti Leanne Ellul, Claudia Gauci, Adrian Grima, u Immanuel Mifsud biex jaqraw poeżija ta’ Doreen Micallef u jikkummentaw dwarha. Il-filmati nġibdu fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta.  

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat ta' Claudia Gauci taqra l-poeżija ta’ Doreen Micallef ‘Qed Jaqta’ Ħafna Fjuri minn Qalbi'.

Jikkwalifikaw aktar qarrejja tal-provi
Fl-14 ta’ Diċembru saret iċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati lil 57 qarrej u qarrejja tal-provi li temmew il-kors b’suċċess. Dan il-kors ta’ sena fil-kitba tal-Malti (MQF 5) hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-kors li jmiss jiftaħ fit-13 ta’ Frar li ġej u l-lezzjonijiet isiru online, it-Tnejn u l-Ħamis mill-5:30pm sat-8:30pm. Il-kors hu maħsub għal dawk li jużaw il-Malti miktub f’xogħolhom, bħall-ġurnalisti u min jieħu ħsieb il-grafika jew kampanji pubbliċi bil-Malti, it-tradutturi, l-edukaturi, il-ħaddiema tas-settur pubbliku, u l-edituri ta’ siti u fuljetti. 

Agħfas fuq ir-ritratt għal aktar tagħrif dwar il-kors.

Applika minn hawn. L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Jannar 2023 fis-2:00pm.

 

Taħdita ta' Alex Vella Gregory dwar l-għanjiet tal-Milied

X’inhi d-differenza bejn għanja u innu tal-Milied? Min kienu l-juculari? X’ġara l-Birgu lejlet il-Milied fl-1603? X’kienet il-Carenza? U x’rabta hemm bejn l-għanjiet li rreġistra Ġużeppi Zammit fi tfulitu u t-tielet ħarġa tal-ktejjeb L-Innijiet Imqaddsa tal-Milied tal-1953? Fil-15 ta’ Diċembru Dr Alex Vella Gregory ta taħdita dwar l-għanjiet Maltin tal-Milied. Fost l-oħrajn, ħares lejn l-istorja tal-mużika popolari f’Malta li tmur lura sal-Medjuevu, qabel il-wasla tal-Kavallieri, u tkellem dwar l-isfidi tar-riċerka storika f’dan il-qasam. Vella Gregory, li huwa d-direttur artistiku tal-kor Cappella Sanctae Catharinae, irrakkonta kif bis-saħħa ta’ Ġużeppi Zammit, li fi tfulitu kien ikanta fil-kor tas-Surmast Costa f'Birkirkara, tnieda l-proġett ‘Għanjiet tal-Milied Minsija’.

Fit-12 ta' Jannar 2023, Kenneth Cauchi se jagħti taħdita dwar id-daqq tal-qniepen. Tagħrif ieħor issibu fil-paġna tat-Tradizzjoni Orali. 

Agħfas fuq ir-ritratt u segwi t-taħdita tal-għanjiet tal-Milied li tibda minn 13:30.

Ħajr lill-Klabb Kotba Maltin u lill-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta' Malta għall-għajnuna tagħhom fil-proġett tat-Tradizzjoni Orali.

 


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija