Iż-żjara ta' Dr Anja Mrak |
| |
Fl-ewwel ġimgħa ta' Novembru d-Dipartiment tal-Malti stieden lil Dr Anja Mrak mill-Università ta' Ljubljana. Minbarra taħdita u diskussjoni mal-istudenti tal-Malti tat-Tieni Sena dwar in-novella kontemporanja miktuba minn awturi nisa Sloveni, tat taħdita pubblika dwar għadd ta' xejriet fin-narrattiva Slovena kontemporanja, b'referiment speċjali għal rumanzi dwar it-Tieni Gwerra Dinjija. Waqt seminar apposta li sar fil-Fakultà tal-Arti, Dr Mrak iltaqgħet ma' wħud mill-istudenti postgradwatorji tal-letteratura Maltija li ddiskutew magħha r-riċerka tagħhom tal-Masters u d-Dottorat. Dr Mrak iltaqgħet ukoll mal-membri akkademiċi tad-Dipartiment tal-Malti u ddiskutew modi kif jistgħu jkomplu jaħdmu flimkien fuq proġetti ta' riċerka u tagħlim.
Din iż-żjara kienet parti minn ftehim tal-Erasmus+ bejn id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta' Malta u d-Dipartiment tal-Letteratura Komparattiva u t-Teorija Letterarja fl-Università ta' Ljubljana.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tara aktar ritratti. |
| |
Il-Prof. Albert Borg jingħata 'Ġieħ l-Akkademja tal-Malti' |
| |
Il-Professur Albert Borg ġie onorat bil-midalja tad-deheb 'Ġieħ l-Akkademja tal-Malti' li tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu bil-ħidma tiegħu għall-ilsien Malti u l-letteratura Maltija. Il-Prof. Borg irtira din is-sena wara karriera ta' 47 sena mad-Dipartiment tal-Malti, sentejn minnhom bħala Kap. L-investitura saret fl-14 ta' Novembru, li jaħbat Jum l-Akkademja tal-Malti, mill-President ta' Malta Dr George Vella waqt serata fil-Palazz ta' Sant'Anton. Fid-diskors tal-ftuħ, Dr George Farrugia, il-President tal-Akkademja, stqarr li l-Prof. Borg kien qed jiġi ppremjat għax, fost l-oħrajn, "għallem il-Malti fl-ogħla livelli għal snin twal b'entużjażmu liema bħalu". Nifirħulu minn qalbna għal dan ir-rikonoxximent mistħoqq!
Agħfas fuq ir-ritratt (DOI) biex tkompli taqra dwar iċ-ċerimonja u dwar il-ħidma tal-Prof. Borg. |
| |
L-attivitajiet tal-Għaqda tal-Malti waqt il-Festival tal-Ktieb |
| |
Bħal kull sena, l-Għaqda tal-Malti - Università qed tieħu sehem fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb imtella' fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) sal-Ħadd 27 ta' Novembru. L-Għaqda qed tilqa' lin-nies fuq l-istand tagħha u se torganizza tliet attivitajiet. Mill-Basla tax-Xagħar sa Qasbet is-Sieq huwa kwiżż li se jsir il-Ħamis fis-7pm, wara preżentazzjoni qasira minn Nicole Farrugia Camilleri dwar l-espressjonijiet Maltin marbutin mal-partijiet tal-ġisem. Is-Sibt fis-7.30pm se tittella' Poeżija Slam, kompetizzjoni li tlaqqa' l-poeżija mal-arti performattiva. Imbagħad, il-Ħadd fit-3pm se ssir it-tnedija ta' Leħen il-Malti (għadd 41), ir-rivista annwali tal-Għaqda tal-Malti. Permezz ta' interpretazzjonijiet differenti ta' wħud mix-xogħlijiet, l-udjenza se tingħata togħma ta' dak li tista' taqra f'din l-edizzjoni.
Agħfas fuq l-istampa għal aktar tagħrif dwar it-tnedija ta' Leħen il-Malti. |
| |
Intervista ma' Jason Zammit dwar il-kaċċa u ż-żgħażagħ |
| |
X'inhi d-differenza bejn namra u delizzju għall-kaċċaturi? U bejn dilettant ta' veru u dilettant taparsi? Min huma ta' barra u min huma l-ħallelin tan-natura? X'inhi tajra ta' preġju? Xi jfissru l-espressjonijiet karga ta' veru u taqla' l-pinnur u toħroġ kuljum? Fis-17 ta' Novembru Yanika Schembri Fava intervistat lil Jason Zammit fuq il-lingwaġġ tal-kaċċaturi żgħażagħ. Mill-osservazzjonijiet u l-intervisti li għamel xi snin ilu, bħala parti mir-riċerka tiegħu, joħorġu għadd ta' frażijiet u espressjonijiet interessanti li jużaw dawk li għandhom in-namra tal-kaċċa. Zammit mhuwiex kaċċatur imma fl-istudju tiegħu analizza l-lingwaġġ tal-kaċċaturi żgħażagħ mil-lenti tat-teorija sottokulturali.
Fil-15 ta' Diċembru Alex Vella Gregory se jagħti taħdita dwar l-għanjiet tal-Milied. Tagħrif ieħor issibu fuq il-paġna tat-Tradizzjoni Orali.
Agħfas furq ir-ritratt u segwi l-intervista fuq il-lingwaġġ tal-kaċċa li tibda minn 6:36.
Ħajr lill-Klabb Kotba Maltin u lill-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta' Malta għall-għajnuna tagħhom fil-proġett tat-Tradizzjoni Orali.
|
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|