|
Din is-sena qed infakkru l-mitejn anniversarju mindu Mikiel Anton Vassalli fetaħ l-ewwel skola tal-Malti fil-bini storiku tal-Università fil-Belt, fl-1825. Għalhekk it-Tlieta 16 ta' Diċembru tellajna serata kommemorattiva mal-Akkademja tal-Malti. Il-kelliema kienu s-Sur David Agius Muscat, li għadu kemm temm id-dottorat fuq il-Malti fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax u wasal biex jippubblika ktejjeb b'tagħrif ġdid dwar il-bidu tal-kors tal-Malti fl-Università; il-Prof. Frans Ciappara, storiku ewlieni u awtur tal-bijografija Mikiel Anton Vassalli (1764-1829): An Enlightened Maltese Reformer (2014); Dr Sergio Grech, il-President tal-Akkademja tal-Malti, li dan l-aħħar ħadem fuq l-istorja tad-Dipartiment tal-Malti; u Dr Olvin Vella, li kiteb u editja għadd ta' xogħlijiet fuq Vassalli.
Is-serata bdiet b'diskors mir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, u ntemmet b'diskors mill-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, il-Prof. Adrian Grima. Fi tmiem il-kommemorazzjoni, Dr Olvin Vella ppreżenta lir-Rettur għadd ta' pubblikazzjonijiet marbutin ma' Vassalli li ġew ippubblikati bis-sehem tad-Dipartiment tal-Malti.
Ritratt ta' Elisa von Brockdorff. Agħfas fuqu biex tara oħrajn u taqra iktar fuq is-serata. |