|
Is-Sibt 2 ta' Novembru ġiet organizzata attività li matulha tnieda s-sit il-ġdid tal-Malta Centre (Bremen-Malta), maltacentre.eu. Wara l-introduzzjoni tal-Prof. Michael Spagnol, iż-żewġ amministraturi tal-fergħa lokali taċ-Ċentru, Raffaello Bezzina u Michela Vella, tkellmu fuq it-taqsimiet tas-sit, fosthom il-biblijografija ta' xogħlijiet lingwistiċi fil-Malti. Ittella' wkoll workshop tal-glossing għall-Malti u l-Prof. Ray Fabri għamel preżentazzjoni fuq xi problemi marbutin mal-prattika tal-glossing għall-Malti. Warajh il-Prof. Thomas Stolz tkellem fuq kif il-glossing jiffaċilita l-komunikazzjoni internazzjonali dwar il-lingwistika. Il-parteċipanti kellhom l-opportunità jipprattikaw il-glossing ta' xi kliem u frażijiet bil-Malti u jiddiskutu bejniethom l-intoppi u s-soluzzjonijiet.
Il-Malta Centre huwa proġett tad-Dipartiment tal-Lingwistika u l-Letteratura fl-Università ta' Bremen u d-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta' Malta. L-għan taċ-Ċentru hu li jrawwem interess kontinwu fil-lingwistika Maltija fl-universitajiet u lil hinn.
Agħfas fuq ir-ritratt għal tagħrif ieħor fuq il-prattika tal-glossing u l-attività tat-2 ta' Novembru.
|