|
Fl-aħħar ġimgħa ta’ April ilqajna lill-Prof. Livio Gaeta mill-Università ta’ Turin. Il-Prof. Gaeta huwa lingwista Taljan u professur rinomat li jispeċjalizza fil-lingwa u l-lingwistika Ġermaniża.
Matul iż-żjara tiegħu ta żewġ taħditiet. Fl-ewwel waħda, “Nouns of Instance: An Intriguing Mediterranean Isogloss,” iddiskuta fid-dettall l-imġiba tas-suffiss misluf mit-Taljan -ata li nsibu fi kliem bħal passiġata u bluhata. Fit-tieni taħdita, “Morphological productivity and the rise of snowclones,” tkellem fuq il-produttività; id-definizzjonijiet tagħha, il-modi differenti kif titkejjel u l-kriterji li jistgħu jintużaw biex niddistingwuha mill-kreattività. Fid-dawl ta’ dan, iddiskuta wkoll elementi bħal mini- u super- fit-Taljan, żewġ prefissi li nsibuhom anke fil-Malti. Il-Prof. Gaeta kellu wkoll xi laqgħat ma’ wieħed mid-dottorandi tad-Dipartiment li qed jirriċerka l-formazzjoni tal-kelma u s-suffissi derivattivi fil-Malti. |