Ktejjeb diġitali dwar il-Malti |
| |
Fis-27 ta’ Frar fl-Iskola Medja tal-Ħandaq tnieda ktejjeb diġitali b’tagħrif u kurżitajiet dwar ilsienna. Fih diversi ħoloq li jwasslu għal riżorsi diġitali, ngħidu aħna għal dokumentarji u rivisti fuq il-lingwa u l-letteratura, u għandu jservi wkoll ta’ direttorju tal-għaqdiet tal-Malti. Dan il-ktejjeb għandu jkun punt ta’ referenza għal min jixtieq jiskopri aktar dwar ilsienna. Fl-istess attività tħabbret konferenza li se ssir fis-26 ta’ April u li għaliha se jiġu mistiedna uffiċjali f’karigi maniġerjali u amministrattivi li jistgħu jikkontribwixxu għal użu aħjar tal-lingwa. Huma se jkollhom l-opportunità jirriflettu fuq it-tħaddim tal-Malti fil-pubbliku u jiddiskutu kif jistgħu jtaffu n-nuqqasijiet billi jindirizzawhom b’mod effettiv. Il-ktejjeb diġitali u l-konferenza huma żewġ inizjattivi li ħarġu mill-kampanja l-ilsien Malti għal qalbi li qed tittella’ f'kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-għaqdiet volontarji tal-Malti.
Ritratti: Id-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Uffiċċju tal-President ta' Malta. |
| |
Jiggradwaw tliet studenti bil-Maġisteru fil-Malti |
| |
Fil-bidu ta’ Marzu saret iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-Maġisteru fl-Arti. Din is-sena ggradwaw tliet studenti tal-Malti, fosthom Yanika Schembri Fava li kisbet l-ewwel post minn dawk kollha li ggradwaw f’din iċ-ċerimonja u għalhekk tlibbset it-toga mir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella. It-teżi tagħha, L-ironija fil-versi popolari Maltin, hija dwar it-taqbiliet ironiċi li jintirtu minn fomm għal fomm. Yanika hi riċerkatriċi fil-proġett It-Tradizzjoni Orali, għalliema tal-Malti fi skola sekondarja, u tgħallem taqsima-studju dwar it-Tradizzjoni Orali mad-Dipartiment tal-Malti. Mexxiet u eżaminat għadd ta’ teżini ta’ studenti tal-ewwel grad fuq oqsma varji tat-Tradizzjoni Orali. Kienet ukoll waħda mir-riċerkaturi tal-proġetti Il-Kelma fil-Komunità u Minn fuq l-Ispalla: It-Taqbil tal-Festi. Bħalissa qed taħdem fuq proġetti oħra biex il-wirt orali f’oqsma li jeħtieġu aktar riċerka jinġabar u jkun analizzat qabel jintilef.
Agħfas fuq ir-ritratt ta’ Yanika mas-superviżur tat-teżi tagħha, il-Prof. Bernard Micallef, biex taqra dwar il-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq it-Tradizzjoni Orali. |
| |
Il-poeżija fi djalogu mal-mużika |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti stieden lill-Professur Vladimir Martinovski mill-Università ta’ San Ċirillu u San Metodju, ta’ Skopje, fil-Maċedonja ta’ Fuq, biex fost l-oħrajn jagħti taħdita pubblika bit-titlu Poetry in Dialogue With Music. Fiha tkellem dwar dak li jgħaqqad lil dawn iż-żewġ forom artistiċi, ngħidu aħna r-ritmi, is-silenzji, u l-aspett performattiv, u dwar poeżiji li t-tema tagħhom iddur ma’ xi strument mużikali jew il-mużika b’mod ġenerali. Il-Prof. Martinovski jgħallem il-Letteratura Komparattiva u, minbarra l-ħidma akkademika tiegħu fl-oqsma tal-mużika, il-letteratura, l-arti viżiva, u l-poeżija, hu poeta magħruf f’pajjiżu u rebaħ għadd ta’ premjijiet letterarji fil-Maċedonja ta’ Fuq u lil hinn.
Agħfas fuq ir-ritratt għal ritratti oħra taż-żjara tal-Prof. Martinovski. |
| |
Konferenza nazzjonali fuq ir-retorika politika |
| |
Għat-tieni sena konsekuttiva d-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università se jtellgħu konferenza nazzjonali bħala parti mis-sensiela Lingua Politik. Se ssir is-Sibt 22 ta’ April fl-Aula Prima tal-Università l-Qadima bejn it-8:30am u s-1:00pm. Id-diskorsi se jiffukaw fuq l-istrateġiji retoriċi tal-oraturi, fil-biċċa l-kbira mexxejja politiċi fl-istorja riċenti ta’ Malta, u l-kuntesti storiċi li fihom għamlu d-diskorsi tagħhom. Se jieħdu sehem tmien kelliema, fosthom Christabelle Borg li se titkellem dwar L-arti tal-kelma fid-diskorsi politiċi ta’ Duminku Mintoff, Lara Stagno li se titkellem fuq Il-kariżma etika msarrfa f’retorika effettiva: id-diskorsi ta’ Eddie Fenech Adami tal-1981 u l-1982, il-Prof. Adrian Grima dwar "Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta": l-ethos fid-diskors ta’ Andrea Dibben, u Christa Boffa fuq Mekkaniżmi ta’ persważjoni fil-lingwaġġ politiku kontemporanju Malti. Tista’ taqra aktar dwar din il-konferenza minn hawnhekk.
Il-konferenza miftuħa għal kulħadd u d-dħul għaliha huwa b’xejn. Agħfas fuq l-istampa u rreġistra sat-Tlieta 4 ta’ April. |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|