Jannar 2024 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Riżorsi diġitali għall-Malti

L-ewwel workshop dwar ir-riżorsi diġitali għall-Malti ttella' fit-23 ta' Jannar b'kollaborazzjoni bejn l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, id-Dipartiment tal-Malti, id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Minbarra n-numru sabiħ ta' nies preżenti l-Università l-Qadima, għadd ġmielu ħadu sehem online. Wara li tħabbar ix-xogħol li qed isir fuq direttorju ta' riżorsi diġitali għall-Malti, nies minn entitajiet differenti għamlu preżentazzjoni dwar l-għodod li qed jiżviluppaw. Ġew diskussi s-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti, malti.mt, ir-raba' verżjoni tal-korpus tal-Malti miktub, ix-xogħol li qed isir biex ikollna korpus tal-Malti mitħaddet, u proġetti fuq it-traduzzjoni awtomatika, fost l-oħrajn. Fid-diskussjoni li saret fl-aħħar parti tal-workshop issemmiet l-importanza li nkomplu nisimgħu lil xulxin u nitkellmu bejnietna biex noħolqu iktar riżorsi flimkien. 

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara oħrajn. Ara l-filmat tal-workshop minn hawnhekk.

Seminar għall-istudenti postgradwatorji

Is-Sibt 27 ta’ Jannar, uħud mill-istudenti li qed jagħmlu Masters jew Dottorat fil-lingwa u l-letteratura Maltija ltaqgħu fiċ-Ċentru tal-Konferenzi ta’ Dar il-Ħanin Samaritan għal seminar informattiv li kien maqsum f'żewġ partijiet. Fl-ewwel parti Charles Mercieca, analista tad-data, spjega kif nistgħu nużaw xi programmi tal-istatistika u l-analiżi komputazzjonali biex jgħinuna fl-interpretazzjoni u l-viżwalizzazzjoni tad-data. It-tieni parti tmexxiet minn Dr Slavomír Čéplö, lingwista mis-Slovakkja li fl-aħħar snin ippubblika studji fuq il-Malti u ħadem mill-qrib mad-Dipartiment tal-Malti. Čéplö ddiskuta wħud mill-proġetti marbutin mal-Malti li diġà beda jaħdem fuqhom. Tkellem fuq ix-xogħol li għad irid isir u fuq kif ir-riċerkaturi jistgħu jagħtu sehemhom. Waqt iż-żjara tiegħu bħala mistieden tad-Dipartiment, Čéplö ta wkoll taħdita pubblika dwar l-isfidi tal-lingwistika moderna u xi soluzzjonijiet possibbli għalihom.

Dan is-seminar serva ta’ opportunità għar-riċerkaturi postgradwatorji tad-Dipartiment biex jiddiskutu u jagħtu s-suġġerimenti tagħhom għall-modi differenti li bihom tista’ ssir ir-riċerka fl-oqsma tal-Malti

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara oħrajn.

It-Tradizzjoni tal-Qarċilla

Dr Olvin Vella se jagħti taħdita pubblika dwar il-Qarċilla, tradizzjoni lokali ta' żmien il-Karnival li 10 snin ilu ngħatat il-ħajja mill-ġdid. Il-Qarċilla hi għamla ta' divertiment burlesk, iddur mal-figura tan-nutar, u tinvolvi kuntratt taż-żwieġ b'elementi żuffjettużi u grotteski bi kritika soċjali u politika. L-ewwel Qarċilla li nafu biha hi tal-1760 miktuba minn Dun Feliċ Demarco. 

Din it-taħdita se tagħti ħarsa lejn il-Qarċilla fl-isfond storiku u reliġjuż tal-gżejjer Maltin. Qed tittella' mill-Fondazzjoni tal-Ġiżwiti bħala parti minn sensiela ta' taħditiet pubbliċi fil-programm kulturali Music & More at the Jesuits. Se ssir il-Ħamis 8 ta' Frar 2024, fis-6:30pm, fl-oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt. 

Agħfas fuq l-istampa għall-paġna tal-avveniment. 

Seminar dwar l-ispiritwalità ta' Mario Azzopardi
Id-Dipartiment tal-Malti, l-Istitut Karmelitan, u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw seminar dwar il-ġabra Epistoli mid-Deżert ta' Mario Azzopardi. Il-kelliema se jkunu Glen Attard, Charles Briffa, Keith Borg, Charlo Camilleri, Pat Gatt, Adrian Grima, u Immanuel Mifsud. Se janalizzaw sezzjoni kull wieħed minn din il-ġabra ppubblikata minn Horizons għaxar snin ilu.
Is-seminar huwa miftuħ għall-pubbliku u se jsir is-Sibt 24 ta' Frar 2024, fid-9am, fl-Aula Prima tal-Università l-Qadima, il-Belt.

Agħfas fuq il-poster għall-paġna tal-avveniment. 

Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija