Frar 2024 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Il-Premju Oliver Friggieri u l-Premju Ġużè Aquilina

Fit-12 ta' Frar sar is-Seminar tat-Teżini, appuntament annwali tad-Dipartiment tal-Malti li għalih jattendu l-letturi u l-istudenti kollha tal-Baċellerat. Waqt is-seminar Ilona Sciberras ingħatat il-Premju Oliver Friggieri għall-istudju tagħha fuq ir-rumanzi kontemporanji dwar is-snin 80 u Sumeia El Raes ingħatat il-Premju Ġużè Aquilina għall-istudju tagħha dwar in-nomi inaljenabbli fil-Malti. Dawn iż-żewġ gradwati u tnejn oħra, Wayne Camilleri u Louisiana Micallef, għamlu preżentazzjoni dwar it-teżini tagħhom li ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-bord tal-eżaminaturi tal-Malti.

Agħfas fuq ir-ritratt għal aktar tagħrif u biex tara ritratti oħra.

Kors tal-Malti għall-impjegati tal-Università

Mal-ftuħ tat-tieni semestru, id-Dipartiment tal-Malti reġa' beda joffri kors ta' tisħiħ fl-użu tal-Malti għall-impjegati amministrattivi u akkademiċi tal-Università. Il-kors ta' 14-il siegħa, ikkordinat minn Dr George Farrugia bl-għajnuna tas-Sur Dwayne Ellul u s-Sur Thomas Pace, huwa maħsub biex isaħħaħ il-livell tal-Malti miktub u mitkellem fil-kuntest tax-xogħol tal-impjegati fl-Università. Fost l-oħrajn, joffri taħriġ fl-ortografija u fil-kitba formali; tagħrif fuq il-kitba ċara u ekonomika; u jagħti l-opportunità lill-parteċipanti jipprattikaw il-Malti mitħaddet permezz ta' preżentazzjoni ta' suġġett jew simulazzjoni ta' laqgħa formali

It-tagħlim tal-Malti Mediku għall-barranin
Mill-2013 'l hawn, aktar minn 2000 professjonist tas-saħħa segwew u temmew b'suċċess wieħed mill-korsijiet tal-Malti Mediku li joffri d-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Dawn huma maħsubin għall-impjegati barranin kollha li jagħtu s-servizz tagħhom fl-isptarijiet u r-residenzi tal-anzjani tal-gvern, bħat-tobba, l-infermiera, u l-carers. Il-korsijiet ikopru għarfien bażiku ta' aspetti mediċi bħall-partijiet tal-ġisem, is-sintomi u l-kundizzjonijiet, u l-kura tal-pazjenti. Il-professjonisti jitħarrġu fit-taħdit bil-Malti biex ikunu jistgħu jifhmu l-ħtiġijiet tal-pazjenti u jikkomunikaw magħhom aħjar. Id-Dipartiment joffri wkoll taqsimiet speċjalizzati għall-istudenti universitarji internazzjonali tal-Mediċina li jkomplu jħejjuhom għas-sessjonijiet prattiċi li jkollhom bħala parti mill-kors tagħhom

Agħfas fuq l-istampa biex issegwi wħud minn dawn il-professjonisti f'intervista ma' TVM News. 
Intervisti ma' kittieba emigranti Maltin

Bis-saħħa ta' proġett tad-Dipartiment tal-Malti, ikkordinat minn Dr Immanuel Mifsud, saru għadd ta' intervisti ma' kittieba li ħallew Malta u baqgħu attivi fil-qasam tal-lettertura jew f'oqsma artistiċi oħra fil-komunitajiet tagħhom. Din is-sensiela ta' intervisti għandha l-għan li xxerred aktar għarfien fuq kittieba li, minkejja d-distanza u ż-żmien, mhux biss baqgħu jikkomunikaw bil-lingwa nattiva tagħhom imma baqgħu jużawha fix-xogħol letterarju jew teatrali tagħhom. Fost il-kittieba li s-sensiela tlaqqagħna magħhom insibu poeti, rumanziera, prożaturi, teatranti, kif ukoll riċerkaturi li ħadu ħsieb jistħarrġu u jiddokumentaw l-istorja tal-emigranti Maltin.  

Wieħed mill-intervistati huwa Barry York. Agħfas fuq ir-ritratt tiegħu biex tara l-filmati tal-intervisti kollha. 


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija