April 2024 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Ġabra ta' filmati dwar il-Malti

Is-sensiela enċiklopedika tal-programm Ilsienna tinkludi rkejjen ta' ftit minuti dwar ħames oqsma tal-Malti: l-arti u l-kreattività; l-edukazzjoni; il-folklor; il-letteratura; u l-istorja tal-lingwa. Dan il-programm li xxandar fuq TVM bejn l-2018 u l-2023 ittella' minn iVision Media House. L-għażliet editorjali, il-kitba, u l-kordinazzjoni huma ta' Kit Azzopardi. Dawn l-irkejjen issa qed jinġabru fl-arkivju ta' malti.mt u tista' tfittixhom bis-sena, il-kelliema, it-tema, jew is-suġġett.  

Agħfas fuq l-istampa biex tara l-filmati.

Taħdita tal-Prof. Adam Ussishkin

Nhar il-Ħamis 25 ta' April, il-Prof. Adam Ussishkin mill-Università ta' Arizona se jagħti taħdita dwar il-Malti. It-taħdita jisimha Wait, so just how Semitic is Maltese? Evidence from priming, u se tkun bl-Ingliż. Tibda fit-3 PM u se ssir fil-kamra OH116, fl-Università ta' Malta.

Il-Prof. Ussishkin jinteressawh l-iżjed il-lingwi Semitiċi, speċjalment il-Malti u l-Ebrajk Modern. Fit-taħdita se jirreferi għal tliet esperimenti li għamel b'rabta mal-Malti u l-kliem Semitiku, u se jiddiskuti kif il-metodoloġija psikolingwistika tal-priming tista' tixħet dawl fuq l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-kliem u fuq kif il-kelliema nattivi jagħrfuh. 

Agħfas fuq l-istampa biex taqra s-sinteżi tat-taħdita.

Edizzjoni ġdida tar-rumanz ta' John F. Marks
Il-Ġimgħa 26 ta' April fis-6:30 PM se titnieda edizzjoni ġdida tal-ktieb Tejbilhom Ħajjithom ta' John F. Marks (1894-1954) li ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-1937. Din l-edizzjoni l-ġdida hija frott ta' kollaborazzjoni bejn l-Għaqda tal-Malti – Università u l-Klabb Kotba Maltin, u saret bl-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Waqt it-tnedija se jitkellmu iben l-awtur, Daniel Marks, in-neputi tal-awtur, Arnold Cassola, Immanuel Mifsud, u Mark Vella

It-tnedija se ssir fl-Università l-Qadima, il-Belt. Id-dħul huwa b'xejn.
Irreġistra minn hawn

Agħfas fuq il-poster għal tagħrif ieħor.
Konferenza fuq in-narrattiva politika

Is-Sibt 27 ta' April se ssir it-tielet konferenza nazzjonali mis-sensiela Lingua-Politik, organizzata mid-Dipartiment tal-Politika Pubblika (FEMA) u d-Dipartiment tal-Malti (Fakultà tal-Arti).

Sitt akkademiċi minn oqsma differenti se jiffukaw fuq xogħlijiet letterarji li jindirizzaw temi u ideat politiċi, u jirriflettu fuq ir-rabtiet kumplessi bejn il-letteratura, il-politika, u s-soċjetà. Il-kelliema huma Justine Somerville, Kurt Borg, Romario Sciberras, Michael Spagnol, Luke Buhagiar, u Immanuel Mifsud. Wara l-preżentazzjoni tagħhom, Marie Louise Mangion se tmexxi diskussjoni dwar ir-reżistenza politika fiċ-ċinema.

Dan l-avveniment huwa miftuħ għall-akkademiċi, l-istudenti, u l-pubbliku ġenerali. Jibda fit-8:30 AM u se jsir fl-Università l-Qadima, il-Belt. Id-dħul huwa b'xejn. Irreġistra minn hawn.

Agħfas fuq il-poster għall-programm u tagħrif ieħor


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija