Ottubru 2024 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Fejn iwasslek il-B.A. fil-Malti?

Il-Malti jiftaħlek ħafna bibien. Biex ma toqogħdux fuq il-kelma tagħna biss, nistednukom tisimgħu x’qalu wħud mill-gradwati tagħna fil-filmati l-qosra li ħejjiet l-Għaqda tal-Malti – Università. Keith Attard, Marija Bellia, Dorothy Bezzina, Jean Pierre Cassar, Anthea Enriquez, Sephora Francalanza, Gabriel Lia, Luke Vella, u Mark Laurence Zammit jitkellmu fuq l-esperjenza tagħhom huma u jistudjaw il-Malti, il-ħiliet li kisbu, u l-oqsma differenti li jaħdmu fihom. Il-Malti ma jużawhx biss fil-ħajja ta’ kuljum imma jħaddmuh f’xogħolhom, kemm Malta u kemm lil hinn minn xtutna. Fost l-oħrajn jgħallmu, jittraduċu, jaħdmu fil-ġurnaliżmu u x-xandir, jagħmlu l-qari tal-provi, jeditjaw, u jiktbu l-lirika u l-iskripts


Agħfas fuq ir-ritratt biex tara filmat bil-gradwati kollha.

Festalingwi 2024

Il-Ħadd 22 ta’ Settembru r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Università ta’ Malta tellgħu t-tieni edizzjoni ta’ Festalingwi, avveniment li jiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi f’pajjiżna bis-sehem ta’ ħafna dipartimenti u istituzzjonijiet. Id-Dipartiment tal-Malti ħa sehem bi tliet attivitajiet differenti: it-tnedija tar-raba’ edizzjoni tar-rivista akkademika Riċerkaturi li fiha jiġu ppubblikati artikli marbuta mat-teżini tal-istudenti tal-Baċellerat; lezzjonijiet tal-Malti bħala lsien barrani f’livelli differenti; u kwiżż dwar il-ħwejjeġ moħġaġa, il-qwiel u l-idjomi. Dawn l-attivitajiet ikkordinathom Anthea Enriquez bl-għajnuna ta’ għadd ta’ letturi, riċerkaturi u studenti tal-Malti


Agħfas fuq ir-ritatt biex tara oħrajn.

Żewġ korsijiet tal-kitba
Nagħmlu Storja Tinkiteb u Ġisem. Ġrajja. Post. huma żewġ korsijiet tad-DegreePlus li jibdew fis-16 ta’ Ottubru. L-ewwel wieħed huwa kors prattiku u intensiv fil-kitba tan-novella, mifrux fuq tmien sessjonijiet u mmexxi mis-Sa Leanne Ellul. It-tieni kors jiffoka fuq il-kitba tal-esej letterarju bil-Malti, jikkonsisti f’seba’ sessjonijiet immexxija mill-Prof. Adrian Grima, u huwa parti mill-proġett Essays Beyond Borders. Il-lezzjonijiet taż-żewġ korsijiet se jsiru l-Erbgħa minn 12 PM sas-2 PM
 
Biex tapplika għal Nagħmlu Storja Tinkiteb: degreeplus@um.edu.mt
Biex tapplika għal Ġisem. Ġrajja. Post: adrian.grima@um.edu.mt
Il-Vjaġġ it-Tajjeb

Bil-ħsieb li nkattru r-riżorsi għal min jixtieq jitgħallem il-Malti, ftaħna t-taqsima Learn Maltese fil-portal tad-Dipartiment malti.mt għall-impjegati mhux Maltin. Fiha tellajna l-ewwel frażarju bilingwi bl-aktar kliem u frażijiet li jiġu bżonn il-ħaddiema tal-ajruport u l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru. Miegħu żidna wkoll dawn l-espressjonijiet kollha moqrija ħalli min ikun qed jitgħallimhom, ikun jista’ jismagħhom kemm-il darba jixtieq u jippronunzjahom aħjar.

Din
hi l-ewwel riżorsa minn sensiela maħsuba għal diversi professjonisti li jaħdmu Malta u jixtiequ jikkomunikaw aħjar mal-pubbliku. It-taqsima ‘Learn Maltese’ qed jieħdu ħsiebha Thomas Pace u Michael Spagnol u l-ewwel frażarju, Il-Vjaġġ it-Tajjeb, issibu hawn.
 


Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija