Ilona Sciberras fil-Lista tad-Dekan |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti jifraħ lil Ilona Sciberras, studenta tat-tielet sena tal-Baċellerat, li daħlet fil-Lista tad-Dekan. Dan ir-rikonoxximent jingħata lill-istudenti li jiksbu riżultati eċċellenti fl-ewwel sentejn tal-kors tagħhom. Din is-sena ngħata lil għaxar studenti b'kollox, ilkoll ġejjin minn dipartimenti differenti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti. Għaċ-ċerimonja li saret l-Erbgħa 19 ta' April fil-Librerija tal-Fakultà, kienu preżenti d-Dekan, il-Prof. Domnic Fenech, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Dr Michael Spagnol. Id-Dipartiment ta voucher tal-kotba lill-istudenta bil-ħsieb li jgħinha fix-xogħol ta' riċerka tagħha.
Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra dwar iċ-ċerimonja.
|
| |
Żewġ pubblikazzjonijiet ġodda tad-Dipartiment |
| |
Dan ix-xahar id-Dipartiment tal-Malti ħareġ żewġ pubblikazzjonijiet, fosthom il-ktejjeb bit-taħdita li tat Joanne Sciberras f'Ottubru 2021 bħala parti mis-sensiela tal-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar. Fl-20 ta' April fil-Parlament tnieda wkoll il-ktieb Il-Poter tal-Kelma: Politika u Letteratura f'Oliver Friggieri. Din il-pubblikazzjoni tiġbor l-atti tal-konferenza ta' Lingua-Politik 1 li d-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tal-Politika Pubblika organizzaw f'ġieħ il-Professur Oliver Friggieri s-sena li għaddiet.
Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra l-istudju ta' Joanne Sciberras dwar il-ħidma ta' Dun Karm bħala Assistent Librar u Direttur tal-Libreriji Distrettwali. |
| |
Ir-raba' mistieden tad-Dipartiment tal-Malti |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti stieden lil Dr Lameen Souag, lingwista stabbilit, biex fost l-oħrajn jagħti taħdita pubblika fuq elementi Berberi fil-Malti. Tul iż-żjara tiegħu ltaqa' mal-istudenti postgradwatorji u ddiskuta magħhom il-metodi tar-riċerka fil-lingwistika storika u ta taħdita lill-istudenti tal-ewwel grad dwar il-kuntatt tal-Malti mal-lingwi tal-Afrika ta' Fuq. Souag, ir-raba' mistieden tad-Dipartiment għal din is-sena, huwa riċerkatur fil-laboratorju LACITO fiċ-Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka Xjentifika fi Franza. L-istudju tiegħu jiffoka fuq il-bidla fil-lingwa u l-lingwi f’kuntatt fl-Afrika ta’ Fuq, partikolarment l-ilsna Berberi, Songhay, u Semitiċi.
Għal ritratti oħra taż-żjara ta' Dr Lameen Souag ara l-paġna tal-Facebook Il-Malti fl-UM. |
| |
Konferenza nazzjonali fuq l-użu ta' lsienna |
| |
Bħala parti mill-kampanja l-ilsien Malti għal qalbi, fis-26 ta' April fil-Palazz Verdala ttellgħet konferenza li għaliha ġew mistiedna nies f'karigi maniġerjali u amministrattivi li bid-deċiżjonijiet tagħhom, direttament jew indirettament, jinfluwenzaw l-użu tal-lingwa fil-pubbliku. Fl-ewwel parti ħames kelliema indirizzaw oqsma differenti li jmissu ma' lsienna: Dr Stephanie Borg Bugeja tkellmet dwar il-psikoloġija tal-komunikazzjoni, Dr Simone Inguanez dwar l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, Thomas Pace dwar il-Malti f'Malta u fl-amministrazzjoni pubblika, David Schembri fuq ir-riżorsi lingwistiċi tal-Kummissjoni Ewropea, u Dr Michael Spagnol dwar il-kors bażiku tal-Malti Mediku għall-barranin offrut mid-Dipartiment tal-Malti li jista' jservi ta' mudell għal setturi oħra. Fit-tieni parti tal-konferenza l-mistednin ħadu sehem f'sessjoni prattika u ddiskutew l-isfidi fit-tħaddim tal-Malti u modi kif jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv.
Ritratt: Għaqda tal-Malti – Università.
Il-kampanja l-ilsien Malti għal qalbi qed tittella' f'kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-għaqdiet volontarji tal-Malti. |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|