Minkejja li huwa ġdid f'dan l-irwol, il-Professur Adrian Grima mhuwiex wiċċ ġdid fid-Dipartiment tal-Malti. Ilu jgħallem full-time fl-Università ta' Malta mill-2009. Minbarra l-letteratura Maltija, jgħallem ir-rappreżentazzjonijiet letterarji tal-Mediterran u jagħti kors introduttiv dwar l-ilsien Malti fl-INALCO, Pariġi. Ħa sehem f'konferenzi akkademiċi u f'festivals tal-letteratura f'diversi pajjiżi u kkoordina l-proġett tat-Tradizzjoni Orali bejn l-2016 u s-sena li għaddiet. Fl-aħħar snin ħadem fuq il-vuċi tan-narratur fix-xogħol tar-rumanzier Realista Ġużè Bonnici u fuq ir-rumanzi u l-ħajja tal-ewwel kittieba ta' rumanzi bil-Malti Concetta Brincat. Lil hinn mix-xogħol akkademiku u speċjalizzat, jikteb poeżiji u novelli għat-tfal u għall-kbar li rebħu premjijiet nazzjonali u internazzjonali. L-aktar pubblikazzjoni riċenti hi Daħlet ix-Xilep: Kontralimerikki tal-Pandemija.
Filwaqt li nawguraw lill-Prof. Grima, il-kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Malti, nirringrazzjaw mill-qalb lil Dr Michael Spagnol għall-erba' snin ta' ħidma fejjieda li wettaq fid-Dipartiment.
Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra l-profil akkademiku tal-Prof. Grima.
|