Isma' lil Ġużè Cassar Pullicino jitkellem dwar id-drawwiet tal-Milied |
| |
Kulħadd sema' b'Father Christmas jew Santa Klaws; imma x'inhu l-Gawgaw u x'għandu x'jaqsam mal-gżejjer Griegi? X'rabta hemm bejn l-għanja "Ninu Ninu tal-Milied" u Spanja? Jew bejn "Il-Benniena ta' Ġesù" u l-emigranti Maltin fl-Alġerija? Dwar dawn u aktar jitkellem Ġużè Cassar Pullicino fi programm fuq ir-rediffusion f'Diċembru tal-1958. Cassar Pullicino, studjuż ewlieni tal-folklor, jitkellem dwar drawwiet, għajdut u twemmin li ntirtu minn pajjiż għal ieħor u minn ġenerazzjoni għal oħra.
Biex tisma' l-programm agħfas fuq ir-ritratt. |
| |
Stħarriġ nazzjonali fuq il-qagħda tal-ilsien Malti |
| |
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università għamlu stħarriġ bi sħab mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq l-użu tal-Malti u l-Ingliż f’sitwazzjonijiet soċjali differenti. L-istħarriġ sar f’Novembru u Diċembru 2020 fuq kampjun ta’ 1,025 ruħ ta’ bejn 18 u 80 sena li għandhom iċ-ċittadinanza Maltija. Ir-riżultati jindikaw li 97% tal-parteċipanti jqisu l-Malti bħala l-ewwel lingwa u juru ċar li f’Malta, pajjiż bilingwi espost ħafna għall-Ingliż, b’mod speċjali fil-kummerċ, fit-tagħlim, fil-komunikazzjoni u fil-ħajja ta’ kuljum, il-Malti hu b’saħħtu ħafna anki fost iż-żgħażagħ.
Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra rapport dettaljat. |
| |
Il-muftieħ, il-leħja u d-dras |
| |
Agħfas fuq ir-ritratt u skopri liema parti tal-muftieħ hija l-leħja u liema huma d-dras. Dawn huma wħud mit-termini li tista' ssib fil-glossarju tal-qasam tal-ħaddied. It-tiftixa fil-glossarji tista' ssir permezz tal-alfabett jew permezz tal-qasam. Ħafna minn dawn it-termini, marbuta ma' snajja' u oqsma differenti, inġabru mit-teżijiet li mexxa d-Dipartiment tal-Malti u minn studji li għamel. |
| |
Il-letteratura Maltija fl-Awstralja |
| |
Il-Professur Maurice Cauchi twieled l-Għarb u jgħix Melbourne. Minbarra li kiteb numru ta' kotba u artikli dwar ix-Xjenza, il-Mediċina u l-Etika, kiteb għadd ta' poeżiji, ippubblika xi xogħol ta' proża, u ttraduċa għall-Malti x-xogħol ta' poeti Taljani tas-seklu għoxrin. Fl-intervista li għamillu l-Professur Adrian Grima, Cauchi jitkellem dwar l-emigrazzjoni tal-Maltin u l-iżvilupp tal-letteratura Maltija fl-Awstralja. Fost l-oħrajn jitkellem ukoll fuq il-ktieb tiegħu Għoljiet u Stejjer Oħra, il-kittieba Maltin li influwenzawh, u l-konnessjoni li kellu ma' Rużar Briffa.
Biex issir taf aktar dwar Maurice u xogħlu agħfas fuq ir-ritratt. |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|