Kampanja pubblika b'risq il-Malti |
| |
Nhar it-Tnejn 20 ta' Ġunju tnediet il-kampanja 'l-ilsien Malti għal qalbi' b'kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, u l-għaqdiet tal-Malti. L-għan huwa li tinħoloq kuxjenza dwar ilsienna, mhux biss bħala element kulturali li jagħtina identità, iżda bħala għodda utli u attwali. Din il-kampanja tmiss ma' temi oħra, fosthom il-bilingwiżmu, l-edukazzjoni, u l-letteratura, bis-sehem ta' għadd ta' persuni minn diversi oqsma tas-soċjetà, u se titwassal permezz ta' pjattaformi u mezzi differenti.
L-ewwel tema indirizzata hija dwar il-Malti bħala mezz ta' għaqda u koeżjoni soċjali. B'rabta magħha nġibdu numru ta' filmati ma' barranin li jgħixu Malta, tgħallmu l-Malti u jħaddmuh fil-ħajja ta' kuljum. L-ewwel filmat f'din is-sensiela sar ma' Jessica Schulz, tfajla Żvediża li qed tistudja għal dottorat fil-Psikoloġija.
Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra l-istqarrija uffiċjali mtellgħa fuq is-sit tal-Akkademja tal-Malti. |
| |
Appuntamenti mar-Riċerka: l-ewwel konferenza annwali |
| |
L-ewwel konferenza annwali mis-sensiela tal-Appuntamenti mar-Riċerka saret nhar is-Sibt 4 ta' Ġunju 2022 fl-Aula Magna tal-Valletta Campus. Sitt studenti tal-Malti fil-livell ta' Masters u Dottorat ippreżentaw l-istudju li qed jagħmlu fuq il-lingwa u l-letteratura Maltija. Fl-ewwel parti tal-konferenza Kirsty Azzopardi tkellmet dwar il-verbi fażiċi fil-katina verbali tal-Malti, Yanika Schembri Fava għamlet preżentazzjoni dwar l-ironija fil-versi popolari Maltin, u Thomas Pace ddiskuta l-immaniġġjar tal-lingwa fl-amministrazzjoni pubblika. Fit-tieni parti Lara Stagno tkellmet dwar l-illokuzzjoni u l-perlokuzzjoni fil-poeżija ta' Nadia Mifsud, David Agius Muscat iddiskuta d-definizzjoni tal-Malti standard fl-ewwel nofs tas-seklu 19, u Justine Somerville għamlet preżentazzjoni dwar in-narrattiva letterarja u l-memorja.
Din il-konferenza għalqet is-sensiela ta' seminars ta' riċerka li d-Dipartiment tal-Malti beda jorganizza minn din is-sena akkademika. Dawn is-seminars regolari joffru spazju informali u addattat biex l-istudenti postgradwatorji jiddiskutu r-riċerka tagħhom. Is-sessjonijiet tal-Appuntamenti mar-Riċerka jkomplu f'Settembru li ġej waqt li t-tieni konferenza għandha ssir f'Ġunju tal-2023.
Agħfas fuq ir-ritratt għal aktar tagħrif. |
| |
X'hemm jistenniek wara l-kors tal-B.A. fil-Malti? |
| |
Kull sena l-Għaqda tal-Malti - Università u d-Dipartiment tal-Malti jfittxu li jagħtu l-opportunità lill-istudenti tal-Malti u lil dawk interessati li jiskopru x'toroq jistgħu jieħdu wara li jtemmu l-kors tal-B.A. fil-Malti. Għalhekk jistiednu lil numru ta' gradwati fil-Malti biex jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom u l-oqsma differenti li qegħdin jaħdmu fihom. Il-kelliema ta' din l-edizzjoni huma Marita Borg (amministratriċi fl-Università), Francesco Grech (kittieb u direttur fil-qasam tal-kultura), Dwayne Ellul (għalliem, qarrej tal-provi, u riċerkatur), Justine Decelis (gradwata mill-kors tat-Traduzzjoni), u Therese Tabone Abdilla (għalliema).
Din l-attività se ssir nhar it-Tlieta 28 ta' Ġunju fis-6pm, fil-Valletta Campus. Dawk li jixtiequ jattendu għandhom jimlew din il-formola.
Agħfas fuq l-istampa għal aktar tagħrif. |
| |
Żewġ korsijiet online fis-sajf |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti qed joffri żewġ korsijiet tad-Degree+ għal dan is-sajf: Ritmi Mqallba (DGP0456) u Tisħiħ fil-Kitba tal-Malti 1 (DGP0453). L-ewwel wieħed huwa kors prattiku u intensiv tal-kitba tal-poeżija, jiffoka fuq il-mekkaniżmi ewlenin li huma meħtieġa biex tinbena poeżija biċċa biċċa u biex il-poeżija ma tibqax biss kliem fuq il-karta, imma tieħu ħajja ġdida lil hinn, speċjalment quddiem udjenza. It-tieni kors jgħallem ir-regoli bażiċi tal-ortografija Maltija, jaġġorna lill-istudenti bl-aħħar deċiżjonijiet ortografiċi, u jħarriġhom fl-użu tajjeb tal-Malti b'għadd ta' eżerċizzji prattiċi.
Il-lezzjonijiet ta' Ritmi Mqallba se jsiru nhar t'Erbgħa bejn is-2pm u l-4pm, u jibdew fis-6 ta' Lulju, filwaqt li l-lezzjonijiet ta' Tisħiħ fil-Kitba tal-Malti 1 se jsiru nhar ta' Ħamis bejn l-4pm u s-6pm, u jibdew fil-21 ta' Lulju. Iż-żewġ korsijiet se jiġu mgħallma online. Biex tapplika trid tibgħat email fuq degreeplus@um.edu.mt u tinkludi l-kodiċi tal-kors (DGP0456 / DGP0453) u n-numru tal-karta tal-identità.
Għal aktar tagħrif dwar il-korsijiet agħfas fuq l-isem tal-kors li jinteressak. Għal tagħrif dwar id-dati tal-lezzjonijiet u dwar korsijiet oħra tad-Degree+ offruti dan is-sajf, agħfas fuq l-istampa. |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|