Diċembru 2023 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Fetħu l-applikazzjonijiet għall-kors fil-qari tal-provi

Dan l-aħħar ikkwalifikaw 66 persuna oħra biċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti. Fost il-qarrejja tal-provi l-ġodda hemm edukaturi, ġurnalisti, tradutturi, awturi, uffiċjali tal-komunikazzjoni f'diversi entitajiet tal-gvern, skrivani fil-kunsilli lokali, u ħaddiema oħra mis-settur privat. Minn meta fetaħ fl-2006, b'kollox s'issa dan il-kors universitarju temmewh b'suċċess 691 ruħ.

Dan il-kors ta' sena part-time (MQF 5) hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti bis-sehem tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. L-applikazzjonijiet għall-kors li jmiss miftuħin u tista' tapplika sa tmiem Jannar 2024Il-lezzjonijiet isiru online u l-eżamijiet isiru fil-klassi. Kompli aqra dwaru minn hawn

Ritratt meħud minn James Moffett. Agħfas fuqu biex tapplika. 

Ħarġa oħra tal-Journal of Maltese Studies

Id-Dipartiment tal-Malti ħareġ it-30 edizzjoni tal-Journal of Maltese Studies, On Maltese Syntax, editjata mill-Prof. Michael Spagnol u l-Prof. Ray Fabri, pubblikazzjoni tal-Midsea Books. Fiha sitt studji minn studjużi lokali u internazzjonali dwar oqsma ewlenin tas-sintassi tal-Malti, fosthom "Nominal and Adverbial clauses in Maltese" tal-Prof. Albert Borg u "Negation in Maltese" ta' Dr Christopher Lucas. 

Agħfas fuq l-istampa tal-qoxra għal-lista tal-edizzjonijiet kollha tal-Journal of Maltese Studies.

Taħdita dwar il-lingwaġġ inklużiv fil-Malti

Fil-konferenza Niktbu għal Kulħadd, Romario Sciberras, student tal-Masters fid-Dipartiment tal-Malti, tkellem dwar l-isfidi li l-kelliema tal-Malti jsibu b'rabta mal-lingwaġġ newtrali għall-ġeneru. Minbarra li ta ħarsa lejn dawn id-diffikultajiet, fit-taħdita tiegħu wera li l-Malti joffri għadd ta' alternattivi newtrali.

Din il-konferenza ttellgħet mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar fl-Università ta' Malta. Il-konferenza fetħitha Dr Helena Dalli, il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, u fiha ħadu sehem il-Prof. Jorge Díaz Cintas li tkellem dwar il-lingwaġġ sensittiv fis-sensiliet televiżivi u l-films, u Dr Giselle Spiteri Miggiani li ffukat fuq l-aċċessibilità awdjoviżiva fit-traduzzjoni. Kien hemm ukoll intervista ma' Loran Ripard Xuereb mill-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ, u żewġ sessjonijiet ta' taħriġ prattiku: waħda dwar il-lingwa ċara li tmexxiet minn Thomas Pace u Mark Paul Vella u oħra dwar strateġiji għal kitba u traduzzjonijiet inklużivi li tmexxiet minn Joseph Buttigieg u Carmen Carabott.  

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat tat-taħdita. 

Laqgħa soċjali tal-Milied
Fil-15 ta' Diċembru wħud mill-membri tad-Dipartiment tal-Malti u l-istudenti riċerkaturi li qed jagħmlu Masters jew Dottorat fil-lingwa u l-letteratura Maltija ltaqgħu għal festin ċkejken tal-Milied. Filwaqt li matul is-sena jiddiskutu r-riċerka tagħhom f'kuntest iżjed formali waqt is-seminars postgradwatorji li jsiru b'mod regolari, din id-darba kellhom iċ-ċans jissoċjalizzaw, u jnaqqru u jixorbu xi ħaġa flimkien.
Id-Dipartiment tal-Malti jawgura s-sena t-tajba lill-qarrejja ta' Isma' b'Aħbarna.

Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija