It-tieni konferenza annwali tas-sensiela Appuntamenti mar-Riċerka saret is-Sibt 3 ta' Ġunju l-Università l-Qadima. Sitt riċerkaturi tal-Masters u d-Dottorat ippreżentaw l-istudju tagħhom fuq il-lingwa u l-letteratura Maltija. Fl-ewwel parti tal-konferenza Raffaello Bezzina tkellem dwar il-formazzjoni tal-kelma fil-Malti, Kelly Saliba ddiskutiet il-kwalitajiet emerġenti fin-novella Maltija tal-bidu tas-seklu 21, u Romario Sciberras ippreżenta xi perspettivi Poststrutturalisti b'rabta mal-lingwaġġ newtrali dwar il-ġeneri. Fit-tieni parti Jessica Micallef iddiskutiet il-ġeneru tal-esej fil-kitba bil-Malti, Joseph Buttigieg tkellem dwar ir-rappreżentattività f'korpus ġeneriku tal-Malti, u Clare Azzopardi tkellmet fuq is-silenzji fin-narrattiva Maltija li bdiet tinkiteb fid-disgħinijiet.
Din il-konferenza għalqet is-sensiela ta' seminars ta' riċerka li d-Dipartiment tal-Malti jorganizza b'mod regolari matul is-sena akkademika. Dawn is-seminars joffru spazju biex l-istudenti postgradwatorji jiddiskutu r-riċerka tagħhom.
Agħfas fuq ir-ritratt ta' Romario Sciberras biex tara iktar ritratti tal-attività.
|