L-Ewwel Anniversarju tal-Portal |
| |
Fit-12 ta' Frar 2021 tnieda l-portal tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti. Dan il-mużew diġitali jiddokumenta r-riżorsi marbutin mar-riċerka tal-Malti li ssir mil-letturi, l-istudenti, u l-gradwati. Għaldaqstant, minbarra li huwa aġġornat regolarment, l-oqsma rrappreżentati jvarjaw: mit-tradizzjoni orali, sat-terminoloġija u d-djaletti, sal-Istorja tal-lingwa u l-letteratura, u aktar. Filwaqt li bis-saħħa tal-portal tiżdied il-preżenza tal-Malti online, l-għan ewlieni huwa li jaħżen fih il-frott li jħallu l-proġetti tad-Dipartiment. Uħud minn dawn il-proġetti jsiru f'kollaborazzjoni ma' entitajiet oħrajn, bħall-Akkademja tal-Malti, l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Għaqda tal-Malti, u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Huwa minnu li l-portal għalaq biss sena, imma huwa riżultat ta' riċerka li ilha ssir snin twal. Tant hu hekk li, ngħidu aħna, fit-taqsima li jisimha Arkivju tista' tisma' intervista li l-Professur Ġużè Aquilina għamel lil Rużar Briffa fl-1962, u tista' tisma' wkoll intervista li Bernice Magro għamlet lil Maria Grech Ganado fl-2019.
Biex tidħol fil-portal agħfas fuq ir-ritratt. |
| |
Għal ħafna x-xahar ta' Frar huwa magħruf bħala x-xahar tal-imħabba u n-namur, speċjalment jekk ikollok xi għasfur jew għasfura, u tistenna Jum San Valentinu għal ċelebrazzjoni bil-ward, iċ-ċikkulata, u r-rigali. Imma nafu li l-imħabba teżisti f'forom differenti u m'għandniex għalfejn nistennew l-iqsar xahar tas-sena biex nuruha. F'taħdita organizzata mill-membri tal-proġett tat-Tradizzjoni Orali, Dr Natalino Fenech jinnamra mal-għasafar billi jittratta l-influwenza li għandhom f'ħafna oqsma tal-ħajja, b'enfasi fuq il-lingwa, il-letteratura, il-laqmijiet, l-espressjonijiet, il-metafori, it-taqbiliet, l-għajdut, u l-qwiel. Barra minn hekk, jiddiskuti l-ismijiet tal-għasafar, mnejn oriġinaw, u l-varjanti tagħhom. Fl-aħħar nett jitkellem ukoll dwar tip ieħor ta' namra bi tradizzjoni twila fil-kultura tagħna: in-namra tal-kaċċa u l-insib.
Fit-28 ta' Frar 2022 se ssir taħdita minn Ritianne Camilleri dwar l-għana tal-fatt fit-tieni nofs tas-seklu dsatax. Aktar tagħrif issibuh fuq il-paġna tat-Tradizzjoni Orali. |
| |
Fit-3 ta' Frar sar seminar ta' riċerka bejn il-letturi tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta' Malta. Din il-laqgħa, li saret f'sala fil-Valletta Campus, serviet biex il-letturi u kollegi jaġġornaw lil xulxin dwar il-proġetti akkademiċi tagħhom u jiddiskutuhom flimkien. F'dan l-ewwel seminar il-preżentazzjonijiet ewlenin saru mill-Prof. Arnold Cassola li tkellem dwar il-Maltin fi Sqallija, il-Prof. Albert Borg li stħarreġ is-sintassi f'poeżija ta' Mario Azzopardi, Dr Immanuel Mifsud li tkellem dwar ix-xogħlijiet mhux ippubblikati ta’ Mary Meylak, Dr Olvin Vella li ddiskuta aspetti lingwistiċi ta' poeżija qadima, u l-Prof. Bernard Micallef li tkellem dwar l-oqsma tal-fenomenoloġija u l-ermenewtika, u l-qarrej fil-letteratura.
|
| |
Il-Premju Oliver Friggieri u l-Premju Ġużè Aquilina |
| |
Fit-23 ta' Frar sar is-Seminar tat-Teżini, appuntament annwali tad-Dipartiment tal-Malti li għalih ikunu mistednin il-letturi u l-istudenti kollha tal-Baċellerat. Waqt is-seminar Deborah Muscat, Jean Paul Borg, Kirsty Bartolo, u Anthea Enriquez, erba' studenti li gradwaw is-sena l-oħra, għamlu preżentazzjoni dwar it-teżina tagħhom. Barra minn hekk, ġew imnedija l-Premju Oliver Friggieri għall-aħjar teżina fil-Letteratura u l-Premju Ġużè Aqulina għall-aħjar teżina fil-Lingwistika. Jean Paul Borg ingħata l-Premju Oliver Friggieri għall-istudju tiegħu fuq it-tema tal-familja fil-poeżiji ta' Antoine Cassar u Deborah Muscat ingħatat il-Premju Ġużè Aquilina għall-istudju tagħha fuq il-funzjoni avverbjali ta' forom aġġettivali. Minbarra li jirrikonoxxu l-livell għoli ta' xogħol il-gradwati, il-premjijiet għandhom l-għan li jfakkru lil żewġ persunaġġi li taw kontribut imprezzabbli fl-oqsma tagħhom u fetħu t-triq għaż-żewġ fergħat ewlenin tat-tagħlim u r-riċerka tad-Dipartiment. It-trofej, li jikkonsistu minn forma ta' tmun maqtugħa fl-azzar fuq bażi magħmula mill-ġebla tal-qawwi t'Għawdex, ġew iddisinjati u maħduma mill-artist Austin Camilleri. Kif qal Dr Immanuel Mifsud fi tmiem is-seminar, it-tmun bi kliem Oliver Friggieri ("iss'inti l-istaġun il-ġdid") u Ġużè Aquilina ("l-imfietaħ tal-fantasija huma f'idejk") maqtugħ minn naħa għal oħra tal-pjanċa, ifakkar li din il-kisba mhijiex biss it-tmiem ta' vjaġġ, imma wkoll il-bidu ta' vjaġġ ieħor.
Biex tara aktar ritratti agħfas fuq ir-ritratt tat-trofej. |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|