Jannar 2022 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
'Il-Fidwa tal-Bdiewa' fuq ir-Radju

F'għeluq il-ħamsin sena mill-mewt ta' Ninu Cremona (Jannar 1972), qed naqsmu magħkom ix-xogħol drammatiku tiegħu Il-Fidwa tal-Bdiewa, addattat għal fuq ir-radju minn Victor Apap. Fost l-oħrajn, f'din il-produzzjoni jieħdu sehem l-atturi Manny Spiteri, Carmen Azzopardi, Josephine Mahoney, u Twanny Scalpello. Minbarra li kien wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti), is-Sur Nin, kif inhu magħruf, kien ukoll poeta, prożatur, u bijografu. Fl-1924 ippubblika l-manwal Tagħrif fuq il-Kitba Maltija u fih ġabar ir-regoli grammatikali li fassal għall-kitba tal-Malti b'alfabett uniformi u prattiku.

Agħfas fuq l-illustrazzjoni ta' Ġorġ Mallia biex tisma' Il-Fidwa tal-Bdiewa.

Ilħna mill-imgħoddi
Mikiel Anton Vassalli u t-Tagħlim tal-Għarbi

Il-letturi flimkien mal-istudenti tad-Dipartiment tal-Malti regolarment jorganizzaw proġetti, seminars u konferenzi fuq l-istorja tal-Malti u x-xogħlijiet tal-persunaġġi ewlenin li ħadmu b'risq il-lingwa. Mikiel Anton Vassalli, magħruf bħala missier l-ilsien Malti, aktarx hu l-aktar persunaġġ studjat fl-istorja ta' pajjiżna. F'din l-intervista l-Professur Frans Ciappara jitkellem ma' Gianella Attard dwar l-entużjażmu li kellu Vassalli għat-tagħlim tal-Għarbi u l-iskola tal-Għarbi li twaqqfet f'Malta fis-seklu 17. Din hija waħda minn sensiela ta' intervisti li saru fl-2013 bil-koordinazzjoni ta' Dr Olvin Vella bħala parti mill-kors Ix-Xhieda tal-Malti Miktub

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat tal-intervista.

Aktar intervisti
It-Terminoloġija tat-Teatru

L-iżvilupp tal-prattika teatrali f'pajjiżna huwa rifless kemm fl-istil tax-xogħlijiet li ttellgħu u għadhom jittellgħu fit-teatri lokali kif ukoll fil-vokabolarju tekniku li nużaw biex nitkellmu dwar il-prattika. Waqt din it-taħdita Dr Marco Galea jħares lejn it-terminoloġija teatrali bil-Malti, iċ-ċirkustanzi storiċi, soċjali u kulturali li fihom żviluppat jew baqgħet lura milli tiżviluppa, filwaqt li jiddiskuti l-ħtieġa u l-possibiltajiet biex tkompli tiġġedded.

Agħfas fuq ir-ritratt biex issegwi t-taħdita.

Din l-attività hi parti minn sensiela ta' taħditiet organizzati mill-membri tal-proġett tat-Tradizzjoni Orali. Fil-31 ta' Jannar 2022 se ssir taħdita oħra minn George Cini b'rabta mar-riċerka li għamel għall-ktieb tiegħu Strada Stretta. Aktar tagħrif issibuh fuq il-paġna tat-Tradizzjoni Orali.

Aktar taħditiet
Applika għall-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Segwih online mill-kumdità ta' darek.

Fl-14 ta' Frar 2022 se jerġa' jiftaħ il-kors fil-kitba tal-Malti, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti l-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Dan il-kors part-time ta' sena hu ideali għal dawk li jużaw il-Malti f'xogħolhom, bħall-ġurnalisti u min jieħu ħsieb il-grafika bil-Malti, l-edituri ta' siti u fuljetti, l-edukaturi u l-impjegati tal-iskejjel, u l-ħaddiema tas-settur pubbliku. Il-lezzjonijiet isiru diretti online: it-Tnejn mill-5:30pm sat-8:30pm u l-Ħamis mill-5:30pm sas-7:00pm. Ikun hemm siegħa u nofs oħra (online dirett ukoll) fi grupp żgħir, għall-attenzjoni individwali, f'ġurnata u ħin komdi għall-istudenti. 

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta' Jannar fis-2:00pm. Biex tapplika, agħfas fuq ir-ritratt.

Tagħrif ieħor

Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija