Taħditiet

Lejn Tnissil ta’ Lista ta’ Termini Tekniċi Teatrali, 17 ta’ Jannar 2022

Din it-taħdita turi kif il-prattika teatrali f’pajjiżna, b’mod ġenerali ħafna, żviluppat b’għajn waħda lejn il-ġara tagħna, omm il-poeżija imma wkoll qabla ta’ ħafna prattiċi kulturali oħra, u l-oħra, lejn l-art ta’ Shakespeare, għal ħafna snin ta’ ġewwa. Dan huwa rifless mhux biss fl-istil tax-xogħlijiet li ttellgħu u għadhom jittellgħu fit-teatri tagħna, imma wkoll fit-terminoloġija li nużaw biex nitkellmu dwar din il-prattika. Fuq naħa għandna t-tradizzjoni tat-teatru popolari Taljan li bejn is-seklu dsatax u s-seklu għoxrin welldet it-teatru popolari tagħna, imma ħalliet iż-żokra mwaħħla, għax waqt li l-lingwa Maltija nstemgħet bħal bikja ta’ tarbija fit-teatri u t-teatrini improvizzati tagħna, meta t-testi tniżżlu fuq il-karta u ġew stampati, aktarx li d-didaskalija baqgħet bit-Taljan. Għalhekk, il-kelma stampata ftit toffrilna għajnuna. B’mod jixtiebah, it-tradizzjoni Ingliża aktarx għaddiet minn fuq dak li sabet qabilha u għaffġet dak li seta’ nibet qabel bħalma jagħmlu ż-żraben ta’ riġment suldati. F’din is-sitwazzjoni, il-prattikanti teatrali f’pajjiżna, bħal ħaddiema f’ħafna oqsma oħra tekniċi, huma miftuma minn terminoloġija bil-Malti li jistgħu jużaw biex jitkellmu dwar xogħolhom. L-intervent ta’ Galea f’dan kollu ma kienx li jipprovdi dan il-vokabolarju, imma li jiddiskuti mal-udjenza metodu jew metodi biex dan il-vokabolarju jinħoloq, b’ħarsa lura lejn ix-xquq tal-istorja b’ħarsa ’l quddiem lejn dak li jista’ jgħinna.

Il-Kollezzjoni Nazzjonali tal-Kostumi u t-Tessuti fi ħdan Heritage Malta, 22 ta’ Novembru 2021

Din it-taħdita tiffoka fuq l-istorja tal-kollezzjoni nazzjonali tal-kostumi u t-tessuti fi ħdan Heritage Malta u xi jsir dwarha, kif ukoll tippreżenta l-ismijiet bil-Malti tal-kostumi u t-tessuti.

Il-Ħares, u Karattri oħra tal-Fantasija Maltin, 8 ta’ Novembru 2021

Din it-taħdita tittratta għadd ta’ karattri relatati mal-istejjer tal-biża’ li kienu jirrakkontaw fl-imgħoddi, fost oħrajn: il-Għul, l-Ors tal-Gandlora, il-Belliegħa, il-Gawgaw, is-Sħaħar, il-Ħares, it-Tork tat-Taraġ u l-Waħx. Din it-taħdita qanqlet il-ħtieġa biex dan il-wirt orali ma jintilifx u fittxet ukoll x’hemm bżonn isir.

L-Arti tal-Kelma fid-Diskorsi Politiċi ta’ Duminku Mintoff (1962), 29 ta’ Ġunju 2021

Din it-taħdita hija dwar ir-riċerka li għamlet Christabelle Borg għat-teżina li kitbet bħala parti mill-kors tal-Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti taħt it-tmexxija tal-Professur Oliver Friggieri u l-Professur Adrian Grima. Christabelle Borg tat ħarsa lejn l-isfond politiku tad-diskorsi u l-metodoloġija ewlenija li ggwidat l-analiżi ta’ din ir-riċerka. Analizzat għadd ta’ tekniki u strateġiji rettoriċi li spikkaw l-aktar fil-meetings politiċi ta’ Duminku Mintoff tal-1962 u ġibdet għadd ta’ konklużjonijiet dwar il-metodu rettoriku tiegħu. Fl-aħħar Borg ipproponiet xi riċerka li tista’ ssir b’rabta mal-qasam tad-diskorsi.

A French Maltese Collaboration, 25 ta’ Ġunju 2021

Din it-taħdita saret bi sħab bejn id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Pariġi, u l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta. Hija parti mis-sensiela ta’ taħditiet fuq It-Tradizzjoni Orali li qed imexxi d-Dipartiment tal-Malti u parti mill-festival tas-sajf “Respire!” li qed torganizza l-Ambaxxata Franċiża f’Malta biex tiċċelebra r-relazzjonijiet bejn Franza u Malta. Il-Prof. Adrian Grima introduċa lill-kelliema u mexxa d-diskussjoni wara t-taħdita. Ħajr lill-Ambaxxatriċi Franċiża f’Malta, l-Eċċellenza Tagħha Brigitte Curmi u lill-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Carmelo Inguanez, Ambaxxatur ta’ Malta fi Franza.

Stejjer tal-Ewwel Emigranti Maltin fl-Awstralja, 25 ta’ Mejju 2021

Din hija intervista dwar l-istorja tal-emigrazzjoni Maltija fl-Awstralja li nġabret mhux mill-kotba, il-gazzetti u d-dokumenti imma minn fomm l-ewwel emigranti f’għamla ta’ intervista strutturata fuq cassette jew fuq video, bil-Malti jew bl-Ingliż. Adrian Grima jistaqsi lil Mark Caruana mistoqsijiet bħal: X’jiftakru dwar kif issetiljaw f’art stranġiera? X’diffikultajiet kellhom jegħlbu? Għaliex telqu minn Malta? Kien il-faqar li ġegħelhom jitilqu? Semgħu affarijiet sbieħ dwar l-Awstralja? Kellu min jilqagħhom meta waslu? Din l-intervista hija xhieda ta’ kemm l-istorja orali għandha l-importanza unika tagħha u, meta timxi id f’id mal-istorja dokumentata, il-fatti joħorġu aħjar.

Nomenklatura Ekkleżjastika, 11 ta’ Mejju 2021

It-taħdita ffokat fuq reġistru marbut mal-knejjes li sfortunatament qed jintilef. Sar aċċenn għall-ilbies tal-qassisin u r-reliġjużi u ħwejjeġ li jintlibsu waqt il-funzjonijiet, li jissejħu “paramenti sagri”.

Tifkiriet dwar it-Tarzna u Malta fil-Gwerra, 7 ta’ Mejju 2021

John B. Saliba, Malti ta’ 94 sena minn Ħaż-Żabbar li llum jgħix New York, jaqsam magħna rakkonti dwar l-esperjenza tiegħu fit-Tarzna bejn l-1941–1949, kif ukoll tifkiriet ta’ żmien il-Gwerra: it-tagħlim prattiku li kien isir fil-qasam tas-snajja’, l-apprentistat fit-Tarzna, inċidenti u periklu, ir-relazzjoni tiegħu ma’ priġunieri Taljani, ġlied tal-ajruplani tal-gwerra u ħafna iktar. Matul l-intervista juri xi ftit mill-arti tiegħu wkoll. It-taħdita saret bl-Ingliż biex tinftiehem minn udjenza iktar wiesgħa, fosthom il-familja ta’ John B. Saliba stess. Madankollu, John għandu għal qalbu l-ilsien Malti, li ma nesa qatt, u ħalla spazju għal mistoqsijiet jew kummenti li saru bil-Malti. Dr Dawn Adrienne Saliba, in-neputija ta’ John B. Saliba li qed tistudja l-Arkeoloġija fl-Universita’ ta’ Malta, kienet strumentali biex issir din it-taħdita

Il-Makkjetta: Riċetta Maltija għall-Buri u l-Geddum, 13 ta’ April 2021

Din it-taħdita ffokat fuq kif il-makkjetta Maltija daħlet fiż-żewġ divertimenti kbar li kienu jeżistu f’Malta fis-seklu għoxrin: it-teatru popolari (it-teatrin) u l-għana. Instemgħu xi makkjetti mill-bravi Charles Clews, Fredu Spiteri ‘l-Lavarist’ u Fredu Abela ‘l-Bamboċċu’.

Ix-Xtut tal-Majjistral t’Għawdex u t-Toponomastika Tagħhom, 16 ta’ Marzu 2021

Din it-taħdita tat ħjiel ta’ x’joffrulna wħud mit-toponimi, jiġifieri l-ismijiet u l-laqmijiet tal-post, li waslulna b’mod verbali min-nies li qattgħu għomorhom u żmienhom hemmhekk. Tat ħarsa ħafifa wkoll lejn xi rakkonti, għajdut u osservazzjonijiet oħra marbutin ma’ dawn il-postijiet.

Minn ta’ min int? Analiżi Lingwistika tal-Laqam Personali, 17 ta’ Diċembru 2019

Din it-taħdita hija dwar il-laqmijiet ta’ individwi u familji Maltin; tikketti li għal xi wħud huma ħelwin u għal oħrajn imbarazzanti, imma li lkoll ifakkru ħsibijiet antiki li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra bil-fomm. Ħafna studjużi Maltin isemmuhom fix-xogħlijiet tagħhom però ftit li xejn jiffukaw fuq aspetti formali bħal kif jinbnew u x’tip ta’ struttura jista’ jkollhom. Għal din ir-raġuni, l-istudju li għamlet Abigail Deguara jħares lejn numru ta’ laqmijiet minn perspettiva lingwistika, janalizza l-binja tagħhom u jikklassifikahom skont għadd ta’ kriterji. B’hekk it-taħdita mhux biss tagħti informazzjoni ġenerali dwar il-laqmijiet personali imma tiffoka wkoll fuq l-elementi varji li jsawruhom.

Gaetano Kanta u l-Kanzunetta Popolari, 7 ta’ Mejju 2019

Dorothy Bezzina titkellem dwar Gaetano Buttigieg (1923-2004) li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-użu ta’ lsienna fil-qasam tal-kanzunetta popolari. Fi żmien li fih il-Malti kien jitqies aħrax wisq għall-kanzunetti minn bosta, huwa għaraf iħaddem tajjeb il-kelma fil-lirika li kien jadatta għall-melodiji Taljani u Ingliżi li kienu jolqtuh. Il-ħila tiegħu li jikteb b’ħeffa tal-għaġeb, filwaqt li jipproduċi versi mill-aktar melodjużi, fetħitlu quddiemu t-triq tas-suċċess u wasslitu fost numru kbir ta’ familji Maltin li kienu qegħdin jieħdu gost ikantaw l-istili ta’ żmienhom bil-lingwa tagħhom.

Il-Basli Jirrakkonta x-Xagħra l-Ħamra 1881-2019, 9 ta’ April 2019

Joe Sciberras, jitkellem fuq ir-riċerka tiegħu dwar it-tqassim tal-artijiet fix-Xagħra l-Ħamra li beda għall-ħabta tal-1881. Kienu l-bdiewa li żviluppawha din il-medda ta’ art f’raba’. Meta miet is-sid ta’ biċċa art kbira, ir-raba’ tqassam bejn għadd ta’ bdiewa. Aktarx qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, is-servizzi Ingliżi xtraw iċ-ċens biex jagħmlu l-manuvri militari f’dawk l-inħawi. Minħabba li l-manuvri kienu jsiru bil-“munizzjon ħaj” weġġgħu ħafna nies li kienu jaħdmu jew iżuru l-inħawi. Joe Sciberras jsemmi l-każ traġiku ta’ tlett itfal li miet minħabba l-munizzjon li ħallew warajhom is-suldati Ingliżi.

Il-Ħrejjef li Rrakkontawli fi Tfuliti, 26 ta’ Frar 2019

It-taħdita tispjega kif fil-ħrejjef sabet kultura ta’ komunità, ta’ biżgħat fi żmien ta’ bombardamenti mill-ajru u ta’ dak li tistħajjel tifla fid-dinja reali. F’din it-taħdita joħorġu wkoll xi varjanti ta’ rakkuntar popolari permezz ta’ xhieda ħajja mir-raħal li trabbiet fih Saliba, l-Imqabba.

Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, 1 ta’ Frar 2019

It-taħdita tiffoka fuq riċerka li bdiet fl-1999 li tikxef l-għemil, l-ambitu soċjokulturali Malti u l-istorja ta’ għadd ta’ intervistati minn Dr Borg fuq medda ta’ ħafna snin. Huwa jispjega l-għażla tal-persuni intervistati, il-binja u l-istruttura tal-intervisti, u kif wara kien jagħżel il-kontenut biex jerġa’ jintervista lill-istess persuna. Fost oħrajn, jitkellem dwar diversi sfidi li ltaqa’ magħhom matul ir-riċerka, ngħidu aħna, konsiderazzjonijiet etiċi u n-nisġa ta’ dak kollu li ddokumenta f’rakkont li jżomm il-qarrejja jaqraw in-narrattiva mingħajr kliem li jżarżar il-widnejn. Barra minn hekk, juri kemm fadal materjal orali x’jinġabar minn fomm rakkontaturi minn kull rokna tal-gżejjer Maltin.

Il-Faħam Miblul tal-Espressjonijiet, 22 ta’ Jannar 2019

It-taħdita tiffoka fuq in-nisel ta’ ċerti termini u espressjonijiet li l-kelliem kiteb dwarhom fit-tliet kotba li ppubblika u dwar kliem ġdid ieħor (verament kliem antik) li skopra dan l-aħħar minn diversi sorsi. Il-kelliem se juri kif ċertu kliem infilsa ruħu fit-tessut tal-lingwa u sar parti mil-lingwaġġ, u kif kultant bidel it-tifsira tiegħu matul is-sekli.

Emanuel Psaila, Lino Psaila, il-Qwiel u l-Għajdut Popolari, 27 ta’ Frar 2018

Emanuel Psaila jitkellem dwar il-qwiel u l-għajdut popolari li ġabar missieru Lino. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 27 ta’ Frar 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Mourad Yelles, Oral Feminine Poetry in the Maghrebi Context, 17 ta’ Mejju 2018

Mourad Yelles juri l-isfidi teoritiċi fil-prattika tar-riċerka fit-tul. It-taħdita saret nhar il-Ħamis, 17 ta’ Mejju 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6.00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Massimo Barilla u l-Attur Salvatore Arena, Ir-Rakkont Popolari (workshop), 24 ta’ Ottubru 2019

Dan huwa workshop dwar l-irrakkontar. Il-workshop sar nhar il-Ħamis, 24 ta’ Ottubru 2019 fil-kamra LC119 fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fil-5:00pm. Dan kien workshop mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Anna Borg Cardona, Strumenti Marbutin ma’ Ritwali u t-Tkeċċija tal-Ħażen, 28 ta’ Jannar 2020

Fit-taħdita tagħha, Dr Anna Borg Cardona titkellem fuq strumenti bażiċi li jmorru lura sew fiż-żmien, u li għandhom l-ikbar rabta ma’ ritwali u mat-tkeċċija tal-ħażen. Dawn ir-ritwali spiss insibuhom marbutin mal-biżgħat li kellu l-bniedem fl-għajxien ta’ kuljum u fl-eżistenza tiegħu. Għaldaqstant, huma assoċjati mal-ħajja agrikola, mal-istaġuni, u maċ-ċiklu tal-ħajja tal-bniedem u tal-bhejjem tiegħu. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 28 ta’ Jannar 2020 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Joe Morana, Ir-Riħ fil-Qala’, 11 ta’ Ottubru 2019

F’din it-taħdita Joe Morana jħares fuq fuq lejn l-evoluzzjoni ta’ bċejjeċ u opri tal-baħar bil-qlugħ li kienu jbaħħru bejn il-Gżejjer Maltin u lil hinn minnhom. Il-kelliem jippreżenta t-terminoloġija Maltija biex jagħti tagħrif dwar il-prinċipji bażiċi ta’ kif titħaddem dgħajsa bil-qlugħ u ħwejjeġ relatati. It-taħdita saret nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Ottubru 2019 fis-6.00pm fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, bi sħab mal-Mużew Marittimu ta’ Heritage Malta bħala parti mill-programm ta’ Birgufest. Din kienet ukoll taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Jolene Spiteri Colombo u Christabel Caruana, Il-Ħrejjef ta’ Manwel Magri, 23 ta’ Ottubru 2018

Waqt din it-taħdita jiġu diskussi l-aspetti allegoriċi flimkien mal-element maġiku li jsawru l-ġeneru orali u didattiku tal-ħrafa. Waqt it-taħdita kien hemm referenza kontinwa għal waħda mill-eqdem ġabriet tal-ħrejjef Maltin, dik ta’ Patri Manwel Magri bit-titlu Ħrejjef Missirijietna. Għalkemm il-ħrejjef Maltin oriġinaw mill-fomm, f’kuntest Malti illitterat, l-istruttura tal-ħrafa u l-mekkaniżmi mnemoniċi u letterarji tagħha xorta waħda nħadmu b’metodi pjuttost preċiżi u bl-iskop li tgħallem valuri morali filwaqt li tagħti pjaċir lil min jismagħha. Kif se jintwera, uħud minn dawn ix-xejriet għenu ħafna biex il-ħrejjef jiġu ppreservati għal ġenerazzjonijiet sħaħ minn missirijietna. Permezz tal-allegorija, għodda letterarja antika ħafna, oġġetti inanimati, annimali, u xbihat astratti jaddottaw ħiliet antropomorfiċi. Mill-banda l-oħra, permezz tal-element maġiku u ġieli okkult, li joħroġ il-għaġeb u jqajjem kurżità bil-proċedimenti affaxxinanti tiegħu, dawn il-figuri antropomorfiċi jsiru dejjem aktar straordinarji, entitajiet maġiċi u supranaturali li bihom jitwettaq l-impossibbli biex l-għan tal-protagonist jirnexxi. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 23 ta’ Ottubru 2018 fis-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Sephora Francalanza, L-Idjoma Brikkuna fil-Lirika ta’ Mario Vella, 6 ta’ Novembru 2018

F’din it-taħdita Sephora Francalanza tanalizza l-idjomi jew ħjiel ta’ idjomi Maltin li jidhru fit-tliet albums tal-Brikkuni, b’xi eżempji mit-teżi tagħha tal-Baċellerat fil-Malti (Unuri), “Bejn Kanzunetta u Poeżija: Il-Lirika tal-Brikkuni,” li firdet il-kliem mill-mużika f’tentattiv biex titfa’ dawl fuq il-letterarjetà tal-lirika. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 6 ta’ Novembru 2018 fis-Sala Francis Ebejer (LT2) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Francesca Attard, L-Għanjiet tal-Milied, 11 ta’ Diċembru 2018

Taħdita dwar il-mistoqsijiet li tqanqlu permezz tar-riċerka li saret minn Francesca Attard dwar liema xejriet poetiċi sempliċi l-aktar li jaqdu lis-sentiment reliġjuż, u liema tekniki huma l-iktar siewja għall-vuċi u għall-memorja kollettiva, f’kuntrast ma’ tekniki oħra li jaqduna aħjar fejn tidħol il-kelma jew il-poeżija stampata. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 11 ta’ Diċembru 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Trevor Żahra, Vince Piccinino, Richard Attard, Ġej iċ-Ċajt!, 5 ta’ Marzu 2019

B’koordinazzjoni ta’ Michael Spagnol, jgħidu ċ-ċajt Trevor Żahra, Vince Piccinino, Richard Attard, u oħrajn. Din l-attività saret nhar it-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2019 fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet attività mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Trevor Żahra (2020), Id-Drawwiet tal-Milied Malti

Trevor Żahra jitkellem dwar id-drawwiet marbutin mal-Milied Malti. Din hija taħdita organizzata mill-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti. It-taħdita saret nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 2020.

Michael Deguara, Il-Metodu Etnografiku. Taħdita 1: Il-Kobba Mħabbla, 6 ta’ Marzu 2018

L-antropologu Michael Deguara jagħti ħarsa lejn l-etnografija u l-wirt imħallat li l-istorja għażlet li tħalli lil din id-dixxiplina mogħnija b’dilemmi. Hawn il-vjaġġ tal-etnografu jinsab dejjem bejn ħaltejn – bejn il-kolonjaliżmu u l-postkolonjaliżmu, bejn dak li hu stramb u “eżotiku” u dak li huwa familjari, bejn l-ispeċifiku u l-ġenerali, bejn in-narrattiva u l-għerf enċiklopediku, bejn it-tradizzjoni u l-globalizzazzjoni, bejn il-preżent etnografiku fiss u l-bidla dinamika kontinwa. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 6 ta’ Marzu 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Marlene Mifsud Chircop, It-12-il Ħrafa tas-Seħer Maltin ta’ Stumme, 20 ta’ Novembru 2018

Mit-tnax-il ħrafa tas-seħer li ġabar Stumme, ir-riċerkatriċi tagħti eżempji tal-31 funzjoni li jsemmi Propp. Imbagħad tara x’jgħid l-Amerikan Alan Dundes (1934–2005) fuq il-liġijiet epiċi tan-narrattiva folkloristika tad-Daniż Axel Olrik (1864–1917), u l-kunċett superorganiku tal-kultura. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 20 ta’ Novembru 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

James Baldacchino, Il-Proġett ‘MEMORJA’: l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, 18 ta’ April 2018

James Baldaccino jitkellem fuq il-ħames temi li l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta qed jaħdmu fuqhom u kif dawn intgħażlu, l-aktar fuq is-suġġetti li qed jiġu riċerkati bil-Malti, jiġifieri it-Tieni Gwerra Dinjija, u l-amministrazzjoni pubblika. It-taħdita saret nhar l-Erbgħa, 18 ta’ April 2018 fis-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm . Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Michael Deguara, Il-Metodu Etnografiku. Taħdita 3: Il-Pinna, il-Klamar u l-Mera, 20 ta’ Marzu 2018

Michael Deguara jħares lejn il-proċessi li jwasslu mill-osservazzjoni parteċipatorja għall-kitba, mill-ġbir ta’ materjal għall-analiżi. Madankollu, apparti l-pinna u l-klamar, skontu għandna bżonn ukoll mera biex napplikaw il-prinċipju tar-riflessività – dak li bih naraw li l-għanqbut ta’ tifsir ma ntisiġx biss min-nies li aħna osservajna, iżda li waqt li nosservaw, niġbru l-materjal u niktbu l-analiżi tagħna, aħna wkoll qegħdin ninsġu għanqbut ta’ tifsir. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 20 ta’ Marzu 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Michael Deguara, Il-Metodu Etnografiku. Taħdita 2: Il-Kaxxa tal-Għodda, 13 ta’ Marzu 2018

Michael Deguara jitkellem dwar meta l-etnografu jasal max-xatt iżda għad irid isib triqtu qalb labirint ta’ tifsir u prattika soċjali li – irrispettivament minn jekk hux qiegħed in-naħa l-oħra tad-dinja jew f’daru stess – irid jara b’għajnejn ġodda. Inħarsu lejn l-għodod li nistgħu nużaw biex inħarsu lejn l-għanqbut ta’ tifsir b’perspettiva differenti. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 13 ta’ Marzu 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Kulħadd Iqabbel kif Jaqbillu. Lejla ta’ Limerikki, 8 ta’ Jannar 2019

Din hija lejla ta’ limerikki kkoordinata minn Rita Saliba, bis-sehem ta’ għadd ta’ qabbiela: Beverly Agius, Elisa June Campell, Emmanuel Attard Cassar, u George Cassar. Jinqraw ukoll limerikki ta’ Anton Buttigieg, Dwardu Ellul, Guido Lanfranco, u Maurice Mifsud Bonnici. Din l-attività saret nhar it-Tlieta, 8 ta’ Jannar 2019 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet attività mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

R. Cordina, M. Grima u l-Prof. M.A Falzon, L-Għasafar trid Għasafar: Il-Lingwaġġ tan-Nassaba, 2019

"F’dan is-seminar, in-nassaba Raymond Cordina u Michael Grima flimkien mal-Prof. Mark-Anthony Falzon jiddiskutu l-lingwaġġ li jużaw in-nassaba meta jitkellmu dwar il-mansab, dwar il-passa, dwar l-ismijiet u l-għajjat jew ħsejjes tal-għasafar, u dwar it-teknika tal-insib. Fit-teżi tagħha tal-2015 dwar ""Ir-Reġistru tal-Kaċċa u l-Insib"", Marija Cutajar tgħid li n-nassaba u l-kaċċaturi ""jużaw kliem jew aħjar reġistru differenti mit-taħdit ta’ kuljum. Min-naħa l-oħra, nafu wkoll li fl-insib, hemm kliem li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum li jingħata funzjoni u tifsira differenti. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 20 ta’ Marzu 2019 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali."

Michela Saliba, Il-Ħaġa Moħġaġa, 18 ta’ Ottubru 2018

F’din it-taħdita Michela Saliba ppreżentat studju li għamlet fuq ġabra kbira ta’ ħwejjeġ moħġaġa li rnexxielha tiġbor minn lokalitajiet differenti. Iddiskutiet it-temi li jissemmew f’dawn l-indovinelli, l-istruttura tagħhom, u l-varjanti li nsibu fuq fomm il-poplu. It-taħdita saret nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru 2018 fis-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Manwel Mifsud, Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim, 21 ta’ Marzu 2017

Din it-taħdita hija dwar Fredu Spiteri (1929–1965), magħruf bħala “il-Lavarist” jew “Tal-Pitrolju”. Kien għannej u makkjettist Għawdxi mill-aħjar u l-ħila ta’ kelmtu u s-simpatija kbira tiegħu kienu jiġbdu warajh il-folol Għawdxin u Maltin, kemm fis-serati u l-konkorsi tal-għana kif ukoll fil-jiem tal-Karnival. Imma billi miet ħesrem ta’ 35 sena u ma laħqux saru diski tiegħu, tista’ tgħid li llum jaħasra ntesa. Mill-makkjetti tiegħu, madankollu, għadna nistgħu napprezzaw il-ħila tiegħu, kif ukoll is-sehem ewlieni li kellu fl-iżvilupp tal-makkjetta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, żmien li laqqa’ flimkien ħafna kurrenti mużikali, lokali u barranin. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 21 ta’ Marzu 2017 fl-ELT tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Martin Morana, Il-Faħam Miblul tal-Espressjonijiet, 22 ta’ Jannar 2019

It-taħdita tiffoka fuq in-nisel ta’ ċerti termini u espressjonijiet li l-kelliem kiteb dwarhom fit-tliet kotba li ppubblika u dwar kliem ġdid ieħor (verament kliem antik) li skopra dan l-aħħar minn diversi sorsi. Il-kelliem se juri kif ċertu kliem infilsa ruħu fit-tessut tal-lingwa u sar parti mil-lingwaġġ, u kif kultant bidel it-tifsira tiegħu matul is-sekli. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 22 ta’ Jannar 2019 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Marlene Mifsud Chircop, Il-Ħrejjef ta’ Ġaħan u l-Irrakkuntar Tagħhom, 30 ta’ Jannar 2018

Fl-ewwel parti tat-taħdita, Marlene Mifsud Chircop tagħti daqqa t’għajn lejn min ġabar il-ħrejjef ta’ Ġaħan, bħal Hans Stumme u Ġużè Cassar Pullicino, u dak li ġa ġie studjat mill-ħrejjef ta’ Ġaħan, l-iżjed minn Ġorġ Mifsud Chircop, u reċentement minn Elena Tanti Burlò. Imbagħad tiddiskuti xi elementi oħra li baqgħu ma ntmessewx mill-istudjużi, fosthom l-awtiżmu, in-nuqqas tal-vista, il-figura tal-ġenituri kritiċi żżejjed jew protettivi żżejjed, il-bestjalità, u l-karattri li jixbhu lil Ġaħan fost il-kleru u fi praspar oħra bħal ta’ Kemużell li ġabret Bertha Ilg. Il-kelliema sa tiddiskuti wkoll varjanti tal-ħrafa li rrakkuntat Anġla Mifsud, iċ-Ċalija. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 30 ta’ Jannar 2018 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6.00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Gilbert Calleja, Id-diskors f’dokumentarju etnografiku fuq lanċa tas-sajd, 14 ta’ Jannar 2019

Gilbert Calleja jitkellem fuq l-esperjenza fit-tul li għamel fuq lanċa tas-sajd Maltija u fuq kif is-sajjieda jużaw il-lingwa. Illum mal-Maltin jaħdmu diversi barranin bħala ekwipaġġi u għalhekk id-dinamika fuq il-laneċ hi totalment differenti minn dik li kienet sa għoxrin, tletin sena ilu. Permezz ta’ diversi eżempji mix-xogħol awdjoviżiv tiegħu jiddiskuti l-użu tal-lingwa biex tqanqal l-emozzjoni, toħloq tensjoni u tasal għal interpretazzjoni poetika fir-rakkont mhux mistħajjel. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 14 ta’ Jannar 2019 fis-Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Diversi kontributuri, Minn fuq l-Ispalla: It-taqbil fil-festi

Din it-taħdita ħarset lejn it-tradizzjoni tat-tqabbil fil-festi fid-dawl tal-proġett ‘Minn fuq l-Ispalla: It-taqbil fil-festi’. Il-ġbir sar minn ’il fuq minn 40 lokalità, u ’l fuq minn 60 festa differenti, u t-taqbil miġbur laħħaq ’il fuq minn 1,500 taqbila: patrimonju lingwistiku importanti u wirt intanġibbli prezzjuż. It-taqbil jitfa’ dawl mhux biss fuq il-festi iżda fuqna bħala bnedmin. Din it-taħdita serviet ta’ introduzzjoni għal dan il-fenomenu li jeħtieġ ħafna iktar riċerka. Ħadu sehem f’din it-taħdita Alex Vella Gregory, Yanika Schembri Fava, Jake Debattista u Marita Cassar. It-taħdita saret nhar is-Sibt, 6 ta’ Diċembru 2020 fuq Zoom fis-7:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Din l-intervista tagħmel parti mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Sergio Grech, Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi

It-taħdita ffokat fuq l-istejjer marbuta mal-Arċisqof Gonzi li mexxa d-djoċesi ta’ Malta bejn l-1944 u l-1976 – żmien mill-iktar imqalleb fl-istorja nazzjonali. Bħala parti mid-dottorat, Sergio Grech intervista madwar mitt persuna, ħafna minnhom saċerdoti, biex jikseb aktar tagħrif dwar l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Minn dawn l-intervisti ħarġu għadd ta’ stejjer fuq l-Arċisqof Gonzi, figura ironikament qsajra, li, madankollu, il-persuni intervistati bdew ipinġuh bħala persuna kbira, persuna li d-djoċesi qatt ma rat bħalha u fi kliem wieħed minnhom “kapitlu irrepetibbli”. It-taħdita ħarset lejn dawn l-istejjer u fuq kollox evalwat permezz tat-Tradizzjoni Orali kif il-poplu ħares lejn dan l-isqof ewlieni tas-seklu 20. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 12 ta’ Jannar 2021 fuq Zoom fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Din l-intervista tagħmel parti mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Marlene Mifsud Chircop, L-Għana tal-Fatt, 23 ta’ Novembru 2016

L-Erbgħa 23 ta’ Novembru 2016: Marlene Mifsud Chircop, “L-Għana tal-Fatt,” il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, 6.00pm.Taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Filmat ta' Kevin Kiomall. Żur malti.mt

Dr Toni Sant, Il-Ħidma tal-Fondazzjoni M3P, 26 ta’ Ottubru 2016

"Taħdita ta' Dr Toni Sant dwar ""Il-Ħidma tal-Fondazzjoni M3P"" li saret fis-26 ta' Ottubru 2016 fi Spazju Kreattiv. Taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Filmat maħdum minn Kevin Kiomall. Żur malti.mt"

Dr Natalino Fenech, Ninnamraw mal-Għasafar, 10 ta’ Marzu 2020

It-taħdita trattat l-influwenza tal-għasafar f’kull qasam ta’ ħajjitna b’enfasi fuq l-impatt fuq il-lingwa, il-letteratura, il-laqmijiet, l-espressjonijiet, l-għajdut u l-qwiel li wħud għadhom jintużaw waqt li oħrajn inbidlu jew mietu maż-żmien. Fenech iddiskuta wkoll l-ismijiet tal-għasafar u l-oriġini tagħhom. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2020 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Il-filmat maħdum minn Daniel Bezzina.

Stephan D. Mifsud, Mostri Maltin, 5 ta’ Novembru 2019

Fit-taħdita l-kelliem se jistaqsi jekk nistgħux nikklassifikaw dawn il-mostri fi gruppi, bħalma nagħmlu fil-bijoloġija. It-taħdita se tħares ukoll lejn kif fil-passat il-ġens Malti ddeskriva dawn il-mostri b’mod viżiv fil-bestjarji, fl-arkitettura u fil-pittura. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 5 ta’ Novembru 2019 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Il-filmat maħdum minn Daniel Bezzina.

Yanika Schembri Fava, Is-Seħta u l-Iskunġrar, 12 ta’ Ottubru 2016

Yanika Schembri Fava ppreżentat għadd ta’ eżempji ta’ versi ta’ seħta u skunġrar permezz ta’ filmati li ħadet għar-riċerka tagħha għall-baċellerat fil-Malti. It-taħdita saret nhar l-Erbgħa, 12 ta' Ottubru 2016, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, fis-6.00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Mourad Yelles, Some Main Issues on Oral Tradition, 25 ta’ Mejju 2016

Din it-taħdita tagħti ħarsa ġenerali lejn il-qasam kumpless tat-tradizzjoni orali. Matul it-taħdita hemm referenzi għar-riċerka ta’ Yelles dwar il-poeżija orali femminili fil-Magreb. It-taħdita saret nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Mejju 2016 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti ta l-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, fl-4.30pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Toni Sant, Il-Ħidma tal-Fondazzjoni M3P, 26 ta’ Ottubru 2016

Toni Sant jitkellem dwar id-diversi modi li bihom il-Fondazzjoni esplorat il-ġbir u l-preservazzjoni ta’ stejjer orali matul is-snin, inkluż xogħol fuq il-familja ta’ Doreen u Sammy Galea, Paul Asciak, Freddie Mizzi, Damian u Francis Ebejer, u Sammy Murgo. Jingħata wkoll tagħrif dwar il-ħidma attwali li għaddejja f’dan il-qasam minn membri ta’ din l-organizzazzjoni, partikolarment f’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, u tintwera xhieda ta’ dan il-patrimonju. It-taħdita saret nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Ottubru 2016, fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, fis-7.00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Ġużi Gatt, Kif Kienet Tara d-Dinja Nannti, 6 ta’ Diċembru 2016

Ġużi Gatt jiddeskrivi l-istampi tal-ħajja li kellha f’moħħha nanntu, Alla jaħfrilha, u jfisser kif kienet tara d-dinja, dejjem skont dak li kienet tgħid. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 6 ta’ Diċembru 2016 fis-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Ġorġ Peresso, Il-Vrajs tal-Madalena, 4 ta’ April 2017

Ġorġ Peresso jiddiskuti li b’kuntatti ma’ folkloristi minn Ravenna sab aktar tagħrif dwar ix-xebh bejn il-vrajjes tal-Madalena f’Ravenna u Malta. L-istudju tiegħu huwa analiżi Formalista tal-istil tal-vrajs Malti. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 4 ta’ April 2017 fis-Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

It-Taqbiliet ta’ Ġorġ Agius “tal-Mużew”, b’intervent kritiku ta’ Kit Azzopardi, 2 ta’ Mejju 2017

Kit Azzopardi jagħmel intervent kritiku dwar it-taqbila reliġjuża ta’ Ġorġ Agius. Ġorġ, jagħti xhieda ħajja tat-taqbiliet tiegħu. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 2 ta’ Mejju 2017, fis-Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Marlene Mifsud Chircop, L-Għana tal-Fatt, 23 ta’ Novembru 2016

Marlene Mifsud Chircop tkelmet fuq ir-riċerka li għamlet f’dan il-qasam tat-tradizzjoni orali, il-wirt intanġibbli tal-għana Malti, speċjalment fuq il-firxa tal-letteratura tat-triq u l-produzzjoni tagħha, fuq delitti li għannew fuqhom fil-parti l-kbira malli ġraw, jew malli l-ikkundannat ħa l-kastig. Tkellmet ukoll fuq l-għannej tal-fatti u l-udjenza tiegħu, l-istil tal-ftuħ u tal-għeluq tal-fatt, il-fażijiet tal-liminalità li fih, il-fatt bħala forma ta’ protesta, il-mobbiltà kulturali tiegħu, u l-każ ta’ Ċikku Fenech li għadha tiftakar kif ġara. It-taħdita saret nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Novembru 2016 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6.00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Seminar, Il-Qtil ta’ Patri Viċenz Grimani, 11 ta’ Jannar 2017

Dan is-seminar jistħarreġ ir-relazzjoni bejn il-qtil brutali ta’ Patri Viċenz Grimani fl-1738 u l-fatt bil-Malti li beda jitgħanna fil-jiem ta’ wara. Fuq il-bażi tal-ktieb storiku-narrattiv Min Qatel il-Patri?, ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin, l-awturi Marlene Mifsud Chircop u Mark Montebello jiddiskutu l-kuntest letterarju, storiku u kulturali ta’ din ir-relazzjoni. Il-kelliema jiddiskutu wkoll x’kien aktarx li wassal għall-qtil, x’ġara wara u, fil-kuntest tal-istudji storjografiċi, għala l-ġrajja għadha tista’ tibqa’ interessanti għalina llum. Fis-seminar jieħdu sehem ukoll mill-Università ta’ Malta Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, u l-Prof. Carmel Cassar, mill-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura. Matul is-seminar, dan il-fatt itgħanna mill-għannej Kalċidon Vella, id-Danny, akkumpanjat mill-prim kitarrist Ronnie Calleja, ir-Ronnie, u kitarrist sekond. Dan is-seminar sar nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Jannar 2017 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6.00pm. Dan kien seminar mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Rebecca Vella, It-Taqbil tat-Tfal, 30 ta’ Novembru 2017

F’din it-taħdita Rebecca tippreżenta l-istudju li għamlet fuq il-varjazzjoni fit-taqbil tat-tfal. L-analiżi ta’ dan l-istudju tistrieħ fuq ġabra ta’ taqbil li għamlet minn diversi kotba kif ukoll minn għadd ta’ intervisti li għamlet ma’ 30 ruħ minn tliet lokalitajiet differenti. It-taħdita saret nhar il-Ħamis, 30 ta’ Novembru 2017 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6.00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Simon Salafia, L-Ismijiet tal-Widien: is-Sorsi Orali, 18 ta’ Frar 2020

Fl-ewwel taqsima, Simon Salafia jħares lejn kif jissawru t-toponimi li jinġabru minn fomm in-nies u jippreżenta kliem bil-Malti li rari jintuża. Fit-tieni taqsima jitkellem dwar is-sorsi orali u l-importanza tagħhom fit-tiftix ta’ iktar toponimi. Barra minn hekk, isemmi ismijiet ta’ widien li l-uniċi sorsi tagħhom kienu orali. Fit-tielet taqsima l-kelliem jipproponi xi inizjattivi biex dawn l-ismijiet ma jintilfux mill-memorja kollettiva tal-ġens Malti. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar 2020 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.

Simon Salafia, Seħer il-Malti fit-Toponomastika: is-Sorsi Orali, 12 ta’ Novembru 2019

It-taħdita tikkonsisti fi tliet partijiet. L-ewwel parti tagħti ħarsa ġenerali lejn it-toponimi, l-iktar fil-kuntest lokali. It-tieni taqsima tiffoka fuq kif dawn l-ismijiet tal-imkejjen jikxfu, jew jagħtu ħjiel, ta’ kliem Malti li llum ma għadux jintuża. F’din il-parti se jissemmew ukoll ismijiet ta’ persuni li huma wkoll toponimi imma jissejħu antroponimi, u li ma tantx huma magħrufa. Dawn huma ismijiet ta’ xeħta Għarbija, Katalana, Spanjola, Sqallija, u Maltija. L-aħħar taqsima tħares lejn l-importanza tas-sorsi orali, u kif dawn għenu biex tingħata tifsira lil xi toponimi, kif ukoll xeħtu dawl fuq toponimi oħra li mhumiex iddokumentati. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 12 ta’ Novembru 2019 fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.