Ilħna mill-Imgħoddi

F’din il-paġna tista’ tisma’ l-kollezzjoni ta’ reel tapes qodma li ġew irrekordjati bejn l-1951 u l-1977 mill-Prof. Ġużè Aquilina u l-folklorista Ġużè Cassar Pullicino. Bis-saħħa tagħhom għandna tifkira ħajja tal-leħen ta’ ħafna awturi li llum m’għadhomx magħna, fosthom Dun Karm, Karmenu Vassallo, Rużar Briffa, Anton Buttigieg, Mary Meilak, Ġorġ Pisani, Ninu Cremona u Pietru Pawl Saydon. Apparti l-intervisti mal-awturi, insibu lectures dwar il-folklor u t-tradizzjoni orali u intervisti rari ma’ għannejja magħrufa, bħal Karmenu Cardona li jitkellem fuq il-kitarra, Ġużeppi Xuereb “Ix-Xhudi” li jispjega t-taqbil fl-għana, u Anġlu Zammit “Il-Ħaħaj” li jitkellem fuq il-flejguta.

Il-kollezzjoni għaddiet fi ħsieb il-Prof. Oliver Friggieri meta sar Kap tad-Dipartiment tal-Malti u kienet miżmuma fl-uffiċċju tiegħu. Fil-bidu r-reels bdew jinqalbu għal fuq cassettes. Imbagħad b’intervent f’waqtu tal-Prof. Manwel Mifsud bdiet id-diġitalizzazzjoni tagħhom fuq diski kompatti (CDs). Fis-sajf tal-2004, bis-saħħa ta’ audio CD writer misluf ġentilment minn Campus FM, ir-reels ġew diġitalizzati mis-Sur Joe Borg u sar katalgu tagħhom biex ikunu jistgħu jintużaw b’mod aktar faċli u komdu, u biex ikunu salvati mill-ħsara li ssir liż-żigarella tat-tapes manjetiċi.

Il-proġett beda fit-22 ta’ Lulju u ntemm fit-8 ta’ Settembru 2004. Textix u difetti żgħar oħra tal-ħoss mhux dejjem setgħu jiġu evitati. Meta l-Prof. Ġużè Aquilina kien jintervista lill-mistiedna tiegħu ma kienx fi studju speċjalizzat bħal tal-lum u wħud mit-tapes huma kommemorazzjonijiet fil-miftuħ u/jew taħditiet quddiem udjenza.

Bl-inizjattiva tal-Prof. Manwel Mifsud ixxandar il-programm Ilħna mill-Imgħoddi fuq Campus FM bejn Marzu u Mejju 2005, imsejjes fuq l-intervisti ta’ Ġużè Aquilina li kienu nqalbu għal fuq CDs. Bejn l-2018 u l-2020, is-Sur Daniel Bezzina tejjeb il-kwalità tar-recordings u s-Sur Jean Paul Borg żied aktar tagħrif mal-katalgu li kien beda s-Sur Joe Borg.

Sena Titlu Tema Preżentatur Mistednin Soundcloud Dettalji