Żewġ konferenzi f'ġieħ Oliver Friggieri |
| |
Fix-xahar tat-twelid ta' Oliver Friggieri saret konferenza organizzata mid-Dipartiment tal-Malti flimkien mal-Istitut Karmelitan u l-Akkademja tal-Malti. Dan l-avveniment, bl-isem ta' "Aħna Ġejna mill-Ġenna": L-Ispiritwalità fil-Ħajja u l-Kitba ta' Oliver Friggieri, ittella' fil-5 ta' Marzu fil-Kunvent tal-Karmelitani. Is-seba' kelliema kienu l-Prof. Adrian Grima, is-Sur Romario Sciberras, is-Sa Beverly Agius, Dr David Aloisio, Rev. Dr Charlò Camilleri, Rev. Dr Jonathan Farrugia, u s-Sur Robert Farrugia. Fl-interventi tagħhom il-kelliema ħarsu mill-qrib lejn l-ispiritwalità u l-umanità fil-kitbiet letterarji u fil-ħajja ta' Friggieri. Id-Dipartiment tal-Malti qed jorganizza konferenza oħra f'ġieħ Oliver Friggieri, din id-darba flimkien mad-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università ta' Malta. L-avveniment Il-Poter tal-Kelma: Politika u Letteratura f'Oliver Friggieri se jsir fit-30 t'April fil-Parlament ta' Malta.
Biex issegwi l-filmat tal-konferenza dwar Oliver Friggieri u l-Ispiritwalità, miġbud mill-Akkademja tal-Malti, agħfas fuq ir-ritratt. |
| |
Insellmu lil Mario Azzopardi |
| |
Fil-11 ta' Marzu ħalliena Mario Azzopardi, protagonist tal-letteratura Maltija li nkitbet wara l-Indipendenza. Minbarra li kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, kien magħruf bħala wieħed mill-aktar poeti ribelli tal-poeżija Moderna. Ismu jibqa' marbut ukoll mal-ħidma u t-tagħlim tat-teatru u d-drama. Fiż-żmien li għamel bħala lettur tat-Teatru fid-Dipartiment tal-Malti, bosta studenti kellhom l-opportunità jitgħallmu mingħandu u jaraw mill-qrib il-passjoni kbira li kellu għal dan il-ġeneru. Il-letturi u l-istudenti jaħdmu regolarment fuq il-poeżija ta' Mario Azzopardi u b'dan il-mod iżommuha ħajja permezz tal-qari bir-reqqa u aġġornat tagħha. Fost l-istudji li jistħarrġu aspett jew ieħor tal-poeżija tiegħu nistgħu nsemmu t-teżina ta' Josef Bonello dwar it-tema tal-vjaġġ (2010), it-teżina ta' Maria Galea dwar il-vuċi ambigwa fil-poeżiji ta' mħabba (2016), u t-teżi bl-Ingliż ta' Keith Borg dwar it-trasgressjoni u t-tabù fil-poeżija ta' Mario Azzopardi u Karl Schembri (2014).
Agħfas fuq l-illustrazzjoni ta' Ġorġ Mallia biex issegwi intervista li saret lil Mario Azzopardi minn Horizons Malta b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2017. |
| |
L-attivitajiet tad-Dipartiment tal-Malti waqt Kampus Kotba |
| |
Din is-sena d-Dipartiment tal-Malti mexxa tliet attivitajiet differenti waqt it-tmien edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Dan il-festival, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb b'kollaborazzjoni ma' entitajiet oħra, sar bejn it-23 u l-25 ta' Marzu. L-ewwel attività, organizzata bi sħab mal-Għaqda tal-Malti, kienet żjara sal-Melitensia. Din tmexxiet mill-Prof. Bernard Micallef u Dr Olvin Vella, u l-istudenti ngħataw l-opportunità li jaraw, fost l-oħrajn, id-Damma ta' De Soldanis, il-Lexicon ta' Vassalli, u xi manuskritti importanti. It-tieni attività kienet diskussjoni pubblika dwar l-esej fil-kitba bil-Malti. Is-Sa Jessica Micallef, studenta tad-Dottorat, Dr Immanuel Mifsud, u Dr Mario Aquilina tkellmu dwar il-karatteristiċi u l-iżvilupp tal-ġeneru tal-esej fil-kuntest lokali u internazzjonali. Fl-aħħar attività, għal darb'oħra mtellgħa bl-għajnuna tal-Għaqda tal-Malti, tmien studenti tad-Dipartiment tal-Malti flimkien mas-Sa Justine Somerville ddiskutew il-ġabra ta' novelli Kissirtu Kullimkien mal-awtriċi Lara Calleja, rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju tal-UE għal-Letteratura 2021.
Biex taqra iktar dwar dawn l-attivitajiet, agħfas fuq ir-ritratt meħud mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb waqt it-tielet attività. |
| |
Emma Rees dwar il-letteratura u l-ġeneru |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti stieden lill-Prof. Emma Rees biex tagħti sensiela ta' taħditiet fl-Università ta' Malta fl-ewwel ġimgħa t'April. Rees hija akkademiku b'esperjenza kbira internazzjonali u tmexxi l-Istitut tal-Istudji tal-Ġeneru fl-Università ta' Chester, imwaqqaf minnha stess fl-2016. Fl-2015 ippubblikat l-aktar xogħol importanti tagħha, The Vagina: A Literary and Cultural History. Nhar it-Tlieta 5 t'April, Rees se tagħti taħdita bl-Ingliż bit-titlu "Like fleas on a dog's back: gender activism and the road to equality". Fiha se tiddiskuti l-letteratura u punti relatati mal-ġeneru, partikolarment il-femminiċidju. Din it-taħdita hija miftuħa għall-pubbliku, tibda fis-7pm, u se ssir fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli, GW Sala D.
Għal aktar tagħrif dwar il-Prof. Emma Rees, agħfas fuq ir-ritratt tagħha. |
| |
Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
| |
|