L-ATTIVTAJIET TAD-DIPARTIMENT TAL-MALTI WAQT KAMPUS KOTBA 2022

Din is-sena d-Dipartiment tal-Malti pparteċipa bi tliet attivitajiet fit-tmien edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Dan il-festival, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, sar bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu.

Tlaqna sal-Melitensia!

Din l-attività, organizzata bi sħab mal-Għaqda tal-Malti, saret fit-23 ta’ Marzu u tmexxiet mill-Prof. Bernard Micallef u Dr Olvin Vella. L-istudenti li rreġistraw għaliha żaru n-naħa tal-Melitensja fil-Librerija tal-Università li normalment ma tkunx miftuħa għall-pubbliku. Huma ngħataw l-opportunità li jaraw id-Damma ta’ De Soldanis, il-Lexicon ta’ Vassalli, kif ukoll manuskritti ta’ Ninu Cremona, Rużar Briffa, Dun Karm, Ġużè Chetcuti, u oħrajn.

It-tiftixa għall-esej fil-kitba Maltija

Is-Sa Jessica Micallef, studenta tad-dottorat dwar l-esej fil-kitba bil-Malti, stiednet lil Dr Immanuel Mifsud mid-Dipartiment tal-Malti u lil Dr Mario Aqulina mid-Dipartiment tal-Ingliż għal diskussjoni dwar l-iżvilupp tal-ġeneru tal-esej fil-kuntest lokali. Fost l-oħrajn, tkellmu dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-ġeneru tal-esej, dwar l-idea tal-intellettwali pubbliku u l-kultura li fih jinkiteb l-esej, id-differenza bejn it-tradizzjoni tas-saġġ Taljan u t-tradizzjoni tal-esej Ingliż u Amerikan, kif ukoll dwar l-esej Malti u l-iżvilupp tiegħu. Din l-attività saret fl-24 ta’ Marzu.

Il-Klabb tal-Kotba: Kissirtu Kullimkien ta’ Lara Calleja

Wara li fil-ġimgħat ta’ qabel, l-istudenti qraw u ddiskutew il-ġabra ta’ novelli Kissirtu Kullimkien mas-Sa Justine Somerville, fil-25 ta’ Marzu ddiskutewha flimkien mal-awtriċi Lara Calleja, rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju tal-UE għal-Letteratura 2021. L-istudenti li pparteċipaw kienu Amy Borg, Daniel Attard, Klara Vassallo, Maxine Tanti, Nicole Bartolo, Nicole Vassallo, u Nicole Zammit, studenti tal-ewwel sena, u Ilona Victoria Sciberras, studenta tat-tieni sena. Bejniethom ħarġu b’numru ta’ perspettivi kritiċi u mistoqsijiet interessanti għall-awtriċi b’rabta ma’ aspetti differenti tal-ktieb u temi li jolqtu mill-qrib lis-soċjetà kontemporanja. Din l-attività wkoll ittellgħet bl-għajnuna tal-Għaqda tal-Malti.

Tlaqna sal-Melitensia!
Tlaqna sal-Melitensia!
It-tiftixa għall-esej fil-kitba Maltija
It-tiftixa għall-esej fil-kitba Maltija
Il-Klabb tal-Kotba
Il-Klabb tal-Kotba

Skopri Aktar