Aqra l-artiklu ta' Michela Saliba fuq il-ħaġa moħġaġa, logħba bil-kliem tradizzjonali li tikkonsisti fi stqarrija jew mistoqsija, aktarx f’għamla ta’ ftit versi, li s-semmiegħa jridu jaqtgħu x’inhi. L-istudju tagħha jibni fuq ix-xogħol ta’ riċerkaturi oħrajn, b’mod partikolari Ġużè Cassar Pullicino, li, barra li għamel ġabra ġmielha ta’ ħwejjeġ moħġaġa minn ħafna bnadi tal-gżejjer Maltin, tana analiżi ta’ kif taħdem il-ħaġa moħġaġa, tat-temi rikorrenti li tittratta, u tal-mod kif titħaddem fil-letteratura, l-aktar fil-ħrejjef. Saliba tiġbor aktar ħwejjeġ moħġaġa, bil-varjanti tagħhom, minn lokalitajiet differenti, u tistħarreġ il-mekkaniżmi lingwistiċi li ninqdew bihom f’din il-logħba bil-kliem tant popolari. |