April 2022 Araha online
Malti Is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti
Ġużè Aquilina u l-bidu tad-Dipartiment tal-Malti

F'April ta' 111-il sena ilu, sewwasew fis-7 t'April 1911, twieled Ġużè Aquilina, il-bniedem li waqqaf id-Dipartiment tal-Malti fit-tletinijiet tas-seklu għoxrin. Minbarra li kien l-ewwel Professur tal-Katedra tal-Malti u l-Ilsna Orjentali (1937-76), kien id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti (1948-66, 1972-75) kif ukoll Pro Viċi Kanċillier tal-Università ta' Malta (1970-74). Aquilina kiteb 'il fuq minn 50 ktieb b'rabta ma' oqsma u ġeneri differenti, u ppubblika xogħlu f'perjodiċi xjentifiċi f'Malta u barra minn Malta. Fost l-oħrajn, kien ukoll l-editur ta' Leħen il-Malti, ir-rivista ewlenija tal-Għaqda tal-Malti - Università, u tal-Journal of Maltese Studies, ir-rivista akkademika tad-Dipartiment tal-Malti. Filwaqt li fil-bidu l-Professur Aquilina ħadem tista' tgħid waħdu fl-oqsma tal-letteratura u l-lingwistika, illum il-ġurnata d-Dipartiment għandu għaxar letturi jgħallmu full-time u huwa wieħed mill-ikbar dipartimenti fil-Fakultà tal-Arti. 

Agħfas fuq ir-ritratt biex taqra aktar dwar il-Professur Ġużè Aquilina.

Isma' intervisti ma' kittieba ewlenin

F'din l-intervista Carmel G. Cauchi jitkellem ma' Bernice Magro dwar il-ħiliet meħtieġa għall-kitba għat-tfal, l-awtoċensura, l-irwol tal-umoriżmu, u l-elementi awtobijografiċi fil-kitbiet tiegħu. Din hija waħda minn għadd ta' intervisti ma' kittieba ewlenin ta' żmienna li saru mill-2019 'l hawn permezz ta' inizjattiva tad-Dipartiment tal-Malti bi sħab mal-Akkademja tal-Malti. Dan il-proġett huwa kkoordinat mill-Prof. Adrian Grima, Dr Michael Spagnol, Joe Borg u Ann Marie Schembri bis-sehem ta' Sephora Francalanza u Bernice Magro, u bl-għajnuna ta' Graziella Ellul u Maria Bellia. Fost l-aħħar kittieba li ġew intervistati nsemmu lil Lina Brockdorff, Alfred Sant, u Ġorġ Borg.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat tal-intervista ma' Carmel G. Cauchi.

Aktar intervisti
Filmati li jfakkru lil Oliver Friggieri

Biex ifakkru lil Oliver Friggieri l-kollegi tiegħu fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università qraw xogħol minn tiegħu u kkummentaw fuqu u fuq l-awtur. Il-filmati nġibdu fil-Librerija tal-Università ta' Malta taħt id-direzzjoni ta' Luke Borg. Ħadu sehem Albert Borg (id-Daħla ta' Ġiżimin Li Qatt Ma Jiftaħ), Therese Borg (silta minn "L-Ewwel Telefonata"), Arnold Cassola ("Stennejt il-Leħen tal-Mulej"), George Farrugia ("Jekk"), Adrian Grima ("Illum Jasal it-Tren"), Bernard Micallef ("L-Akbar Mass Meeting"), Immanuel Mifsud (silta minn "Min Miet fit-Tarzna"), Manwel Mifsud ("Biljett ta' Suwiċida"), Justine Somerville (silta minn L-Istramb), Michael Spagnol ("Xi Ġralek, Ma?"), u Olvin Vella (silta mill-Istudju Kritiku tal-Poeżija Miġbura ta' Dun Karm).

Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-filmat ta' Bernard Micallef jaqra u jikkummenta dwar il-poeżija 'L-Akbar Mass Meeting'.

Ara l-filmati
Applika għad-Diploma fil-Letteratura Maltija

Fetħu l-applikazzjonijiet għad-Diploma fil-Letteratura Maltija li tibda f'Ottubru ta' din is-sena. Dan il-kors huwa ideali għal kull min għandu passjoni għal-letteratura Maltija u jixtieq jitgħallem iżjed dwarha. Il-programm ta’ studju jħarreġ lill-istudenti fid-diversi modi kif jistgħu jinterpretaw il-letteratura Maltija, kif jippreżentawha f’okkażjonijiet u f’xandiriet pubbliċi, u kif jadottaw u japplikaw il-mekkaniżmi figurattivi u stilistiċi tagħha fix-xogħlijiet kreattivi tagħhom. Għaldaqstant huwa versatili biżżejjed biex jinteressa lil nies impjegati f’diversi setturi kulturali, artistiċi, u kreattivi relatati mal-preżentazzjoni pubblika ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti, kif ukoll lil min għandu interess isegwi karriera fil-kitba kreattiva, u min għandu sehem attiv fl-adattament tal-letteratura Maltija għal forom artistiċi u dixxiplini oħra.

Dan il-kors part-time hu mqassam fuq sentejn, u l-lezzjonijiet isiru bejn il-17:30 u t-20:30 nhar ta' Tnejn u nhar t'Erbgħa. 

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-21 ta' Lulju fis-14:00. Agħfas fuq ir-ritratt biex tapplika.

Isma' x'qalu dwar l-esperjenza tagħhom uħud mill-istudenti li temmew il-kors.

Tagħrif ieħor

Id-Dipartiment tal-Malti, Il-Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta, L-Imsida MSD 2080, Malta
Ibdel is-sħubija    |    Araha online

Jekk ma tixtieqx tisma' aktar b'aħbarna, waqqaf is-sħubija