Flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti – Università, id-Dipartiment tal-Malti qed jorganizza attività kommemorattiva f’għeluq il-ħamsin sena mill-mewt ta’ Mary Meylak, l-unika poetessa li nafu biha tal-perjodu Romantiku lokali. L-attività għandha l-għan li tiċċelebra ħajjitha u kitbietha. Il-programm jinkludi qari interpretattiv minn żewġ atturi ta’ poeżiji u siltiet ta’ proża, u diskors qasir mill-Prof. Immanuel Mifsud li qed jiġbor ix-xogħlijiet ta’ Meylak li għadhom ma ġewx ippubblikati.
L-attività se ssir is-Sibt 5 t’April 2025 fis-7 PM, fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella, u qed tittella’ bl-appoġġ tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali u l-Ministeru t’Għawdex.