Se ssir konferenza interdixxiplinarja fuq ir-rumanz Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk ta’ Concetta Brincat. Dan ix-xogħol li se jiġi ppubblikat għall-ewwel darba waqt il-konferenza mill-Klabb Kotba Maltin, inkiteb fl-1919, u għalhekk huwa l-ewwel rumanz oriġinali bil-Malti miktub minn mara li nafu bih.
Disa’ kelliema minn oqsma differenti se joffru għadd ta’ perspettivi dwar dan ir-rakkont li għandu x-xeħta ta’ rumanz tal-faxxiklu tal-bidu tas-seklu 20, imma għandu wkoll il-karatteristiċi partikolari tiegħu. Il-Prof. Adrian Grima, l-editur tar-rumanz, se jitkellem fuq il-provi testwali li jissuġġerixxu li dan ix-xogħol mhuwiex traduzzjoni jew adattament; Maria Simiana se tispjega l-proċess tat-traskrizzjoni tar-rumanz mill-pitazzi li kitbet fuqhom l-awtriċi; Dr Simone Azzopardi se tqiegħed ir-rakkont fil-kuntest tal-ġrajja tar-Rivoluzzjoni Franċiża u l-ħajja f’Malta fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu 20; Dr Marilyn Mallia se taqra r-rumanz fid-dawl tal-konvenzjonijiet tar-rumanz popolari fl-Ewropa ta’ żmienha; Fr Ray Gatt OP se jiddiskuti l-elementi reliġjużi; Dr Noel Buttigieg se jħares lejn il-kultura tal-ikel u x-xorb; Caroline Tonna se tifli s-sinifikat tad-deskrizzjonijiet tal-ilbies tan-nobbli; Annamaria Gatt, minn Heritage Malta, se turi xi lbies li jissemma fir-rumanz u li jinsab fil-kollezzjoni nazzjonali; u Francesca Xuereb se titkellem fuq l-iżvilupp tal-karattri femminili.
Il-konferenza se ssir l-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2025, fil-5:30 PM, fis-Sala Pietru Pawl Saydon (ALT), l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.
Id-dħul huwa b’xejn u jista’ jattendi kulħadd.