Dottorandi

Beverly Agius
Fid-dottorat tiegħi nistħarreġ l-estetika tan-natura fil-poeżija Moderna Maltija. L-ispeċjalizzazzjoni fl-oqsma kemm tal-ekofenomenoloġija kif ukoll tal-ermenewtika ambjentali, flimkien ma’ għarfien aktar profond tal-ekoloġija fiha nnifisha, qed iwassluni għal approfondiment tar-rabta estetika bejn il-bniedem u l-pajsaġġ, xejra li tikkaratterizza ħafna mill-poeżija ta’ Achille Mizzi, Daniel Massa, u John Cremona.
Aqra iktar
Clare Azzopardi
Fil-proġett tiegħi se nħares lejn silenzji differenti fin-narrattiva Maltija li nkitbet mis-snin 90 ’l hawn. Is-silenzju jista’ jkun espliċitu kif ukoll impliċitu, paradigmatiku jew sintagmatiku, impost jew awtoimpost. Permezz tat-teorija post-Strutturalista u Femminista, se nikxef is-silenzji varji fin-narrattiva Maltija Post90, nibni tipoloġija ta’ silenzji, niddiskuti l-effetti tagħhom u nanalizza t-tekniki li jintużaw u li permezz tagħhom jinkiteb is-silenzju.
Aqra iktar
Jessica Micallef
L-għan tal-proġett tiegħi huwa li ninvestiga l-ġeneru tal-esej, bl-istorja u d-definizzjonijiet differenti tiegħu, u mbagħad nara x’post kellu fl-imgħoddi, wara l-kisba tal-libertà tal-istampa fl-1839, u x’post u x’għamla għandu llum fil-kitba stampata u diġitali bil-Malti. Dan nixtieq nagħmlu billi nħares ukoll lejn dak li nkiteb dwar l-esej bil-Malti u nipproponi teorizzazzjoni iżjed komprensiva u aġġornata li tqis dak li qed jiġri barra minn Malta.
Aqra iktar
Dwayne Ellul
Fir-riċerka tiegħi qed nibni mudell teoretiku ta' dizzjunarju komprensiv Malti-Ingliż. Dan qed nagħmlu jien u nixtarr teoriji ewlenin tal-lessikografija filwaqt li nieħu kont tal-istorja lessikografika Maltija. Qed nesplora aspetti makrostrutturali u l-aktar mikrostrutturali kif ukoll il-proċess tal-bini ta' dizzjunarju online mibni skont il-ħtiġijiet tal-utenti li mistennija jużaw id-dizzjunarju wara studju tal-profil tagħhom.
Aqra iktar
Justine Somerville
Fl-istudju tiegħi nistħarreġ kif in-narrattiva letterarja li nkitbet fuq medda ta’ ħamsin sena tifhem, timmaġina, u tagħti ħajja ġdida lill-imgħoddi bħala memorja. Niddiskuti r-relevanza li l-imgħoddi jikseb fil-preżent billi niffoka kemm fuq il-memorja kollettiva u pubblika, ngħidu aħna fit-tiswir tal-passat nazzjonali, u kemm fuq il-memorja individwali u personali, bir-rabtiet li għandha mal-identità u s-suġġettività. Minħabba n-natura multidirezzjonali u interdixxiplinarja tal-istudji tal-memorja, l-analiżi tat-testi letterarji tmiss ma’ skejjel ta’ ħsieb u perspettivi teoretiċi differenti bħall-Psikanaliżi, il-post-Kolonjaliżmu u l-Femminiżmu.
Aqra iktar
Joseph Buttigieg
Il-ħsieb tiegħi huwa li nindirizza l-problema tan-nuqqas ta' rappreżentattività u bilanċ fil-korpora eżistenti billi nipproproni pjan differenti ta' kif korpus jista' jirrifletti aħjar is-sitwazzjoni preżenti tal-Malti.
Aqra iktar
Kirsty Azzopardi
Fir-riċerka tiegħi nistħarreġ il-ġrajjiet ta’ ċaqliq fil-Malti. M’iniex inħares biss lejn il-verbi, iżda wkoll lejn il-partiċipji attivi, ladarba xi wħud minnhom ukoll jintużaw biex jesprimu l-moviment. Abbażi tal-kontenut semantiku li jiġi lessikalizzat f’dawn il-verbi u partiċipji attivi, infittex li nqiegħed il-Malti fit-tipoloġija ta’ Talmy, li jipproponi qasma bejn il-lingwi S-framing (bħall-Ingliż) u l-lingwi V-framing (bħall-ilsna Semitiċi u Rumanzi). Apparti dan, f’din ir-riċerka nfittex li nifhem ukoll l-istruttura tal-argumenti ta’ xi binjiet li spiss nużaw biex nitkellmu dwar il-ġrajjiet ta’ ċaqliq.
Aqra iktar
Matthew Chappell
Fil-proġett tiegħi niffoka fuq il-politiċizzazzjoni tal-mewt fil-letteratura Postmoderna Maltija. L-għan huwa li permezz ta’ kurrenti kontemporanji fil-filosofija politika noħloq diskussjoni fuq il-mewt fil-poeżija u l-proża. Nixtieq nesplora r-rakkonti differenti tal-kittieba Maltin (bħal Immanuel Mifsud, Clare Azzopardi u Walid Nabhan) biex nanalizza kif il-mewt, bħala fenomenu tan-natura u tax-xjenza, tieħu dimensjoni politika li fiha l-mewt innifisha ssir strateġija politika. Il-mewta ta’ individwi immigranti, fqar, suwed, ta’ dawk li ma jgawdux id-drittijiet bażiċi, ma jseħħx b’mod innoċenti jew bi żball. F’dan il-proġett se nipprova niddefinixxi l-letteratura post-Moderna Maltija, dejjem mill-perspettiva tal-mod kif tirrakkonta l-mewt u l-mortalità bħala ġrajja politika.
Aqra iktar