Oliver Friggieri
Jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-awturi l-aktar rispettati tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin u bħala l-kritiku ewlieni tal-letteratura Maltija, poeta u kontributur regolari f’ġurnali u rivisti akkademiċi lokali u internazzjonali.
Twieled il-Furjana fl-1947. Beda jikteb il-poeżija meta kien għadu fl-iskola primarja tal-Furjana, minn fejn għadda għas-Seminarju u għall-Università. Hu l-awtur ta’ numru kbir ta’ kotba (poeżija, rumanzi, novelli u kritika) maħruġin f’Malta u f’diversi pajjiżi barranin. Ir-rumanzi, in-novelli, u l-poeżiji tiegħu nqalbu f’bosta lingwi. L-istudji tiegħu, bl-Ingliż u bit-Taljan, dehru f’għadd kbir ta’ rivisti akkademiċi internazzjonali.
Kien l-ewwel student li ggradwa MA (1975) fil-letteratura Maltija u aktar tard kiseb ukoll il-grad ta’ Ph.D. (1978) b’teżijiet ta’ kritika komparata – La Cultura Italiana del Romanticismo e la Poesia Maltese (1978). Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, u għamel żmien l-editur ta’ Il-Polz (1969-1973) – ir-rivista tal-Moviment. Kien ukoll kofundatur tar-rivista Sagħtar u ħadem mill-qrib ma’ Pawlu Mizzi biex twaqqaf il-Klabb Kotba Maltin fl-1971.
Beda l-karriera tiegħu bħala għalliem fl-iskejjel sekondarji fejn għallem il-Malti u l-Filosofija (1968-75) u aktar tard inħatar lettur fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta (1976-90). Kien Kap tad-Dipartiment tal-Malti, kariga li żamm mill-1988 sal-2004 u Professur tal-Letteratura mill-1990. Kien editur ta’ Journal of Maltese Studies (1980).
Qaleb għall-Malti xogħlijiet mil-Latin, mit-Taljan u mill-Ingliż, fosthom De Arte Poetica ta’ Orazju, Ħrejjef għat-Tfal ta’ Grimm u Andersen u Il-Ħanut tal-Arġentier ta’ Karol Woytyla. Aktar minn 60 ktieb tiegħu nqalbu f’ħafna lingwi. Ir-rumanzi tiegħu ġew tradotti f’16-il lingwa, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, l-Urdu, il-Grieg, u r-Rumen. Fost ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu nsibu d-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji (1996) meqjus bħala l-Magnum Opus tiegħu. Kiteb l-ewwel Oratorja bil-Malti – Pawlu ta’ Malta (1989) u l-ewwel kantata – L-Għanja ta’ Malta (1989).
Kien l-editur ta’ għadd sabiħ ta’ antoloġiji, fosthom Il-Poeżija Maltija (1996), Ħodon Qronfol (1990) u L-Antoloġija tan-Natura (1995) ma’ Mario Azzopardi. Ippubblika numru kbir ta’ studji kritiċi f’perjodiċi u kotba akkademiċi internazzjonali u indirizza madwar sebgħin kungress fi bliet Ewropej.
Rebaħ għadd sabiħ ta’ premjijiet internazzjonali fosthom l-ewwel premju għall-Kritika Letterarja fil-XIV Concorso Silarus (1982), il-Premio Internazionale Mediterraneo, Palermo (1988), il-Premju Letterarju mill-Gvern Malti (1988, 1997, 1999, 2002), u l-Premio Sampieri per la Poesia, Marsa Siklah, Sqallija (1995). Kien membru tal-Association Internationale des Critiques Litteraires ta’ Pariġi. Fl-2003 ngħata l-Midalja tad-Deheb mis-Soċjetà Manifattura tal-Arti u l-Kummerċ. Fl-istess sena ngħata r-raba’ ‘Premio Internazionale Trieste Poesia’ – mogħti lill-awturi internazzjonali għall-kontribut poetiku tagħhom f’kotba ppubblikati barra minn pajjiżhom.Fl-2006 l-Akkademja tal-Malti onoratu bil-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għall-kontribut letterarju eċċezzjonali tiegħu f’ċerimonja speċjali taħt il-Patroċinju tal-Presidenta ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Uħud mill-kotba tiegħu: Stejjer għal Qabel Jidlam, Il-Gidba, Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri, Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, Storja tal-Letteratura Maltija, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji, Il-Kultura Taljana f’Dun Karm, L-Istudji Kritiċi Miġbura, Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel.
Oliver Friggieri miet nhar il-21 ta’ Novembru 2020 fl-għomor ta’ 73 sena.
Ħajr lis-Sur Joe Borg ta’ din il-bijografija.
Ara wkoll:
Id-Dipartiment tal-Malti jsellem lil Oliver Friggieri, kollega u ħabib.