Damma

Dan il-kapolavur ta' dizzjunarju, il-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis lestieh wara 17-il sena, fl-1766, jiġifieri qabel il-Lexicon ta' Vassalli (1796), imma baqa' qatt ma ġie ppubblikat. Wara 250 sena manuskritt miżmum fil-Bibljoteka Nazzjonali, id-Damma ġiet ippubblikata id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Bibljoteka Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti, Heritage Malta, il-Fond RIDT tal-Università u l-BPC International. Għalkemm insejħulu dizzjunarju, dan il-ktieb huwa aktar minn hekk. Id-Damma hi miżgħuda b'xhieda ta' kultura Maltija li m'għadhiex magħna. Fil-fatt tixbah aktar lil xi enċiklopedija, għax fiha tagħrif dwar l-ikel, id-drawwiet, il-logħob, l-istrumenti mużikali, il-leġġendi u elf ħaġa oħra. L-editjar ta' dan id-dizzjunarju enċiklopediku ħa sitt snin b'kollox. Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan ittraskrivew l-ewwel abbozz, u Carabott irrevediet il-volum sħiħ u editjatu. Ix-xogħol sar taħt id-direzzjoni ta' Dr Olvin Vella. Id-disinn tal-ktieb hu ta’ Daniel Cilia. Id-Damma hi dizzjunarju datat madwar l-1760 u miktub b'elementi djalettali u marbut sfiq ma' Għawdex, kif juru kotra ta' eżempji. Barra l-valur lingwistiku hu miżgħud b'tagħrif etnografiku u kulturali. Dan il-volum huwa wieħed minn erbgħa. It-tlieta l-oħra għadhom manuskritti. Għal aktar tagħrif dwar de Soldanis u x-xogħlijiet tiegħu, idħol fl-istazzjon ta' Youtube ddedikat lil Agius de Soldanis.