Malti Mediku

Wieħed mill-oqsma ewlenin tad-Dipartiment tal-Malti hu t-tagħlim tal-Malti bħala Lsien Barrani, b'mod partikolari fis-settur tas-saħħa. Minbarra li joffri għadd ta' korsijiet lil eluf ta' professjonisti mediċi u studenti tal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, id-Dipartiment tal-Malti minn żmien għal żmien jippubblika kotba u riżorsi għat-tagħlim tal-Malti Mediku. Fl-2013 ippubblika l-glossarju bilingwi Medical Language Translator flimkien mal-MMSA, l-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina ta' Malta, u bl-appoġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Fl-2016 ħareġ l-erba' volumi Saħħa! A Conversational Course in Medical Maltese miktubin minn Dr Michael Spagnol, Dr Josef Trapani, Olivianne Farrugia u Sharon Micallef Cann. Il-volumi ġew aġġornati fl-2019 bil-għajnuna ta' Paul Abdilla u Theresa Tabone Abdilla.