Din it-taħdita hija dwar Fredu Spiteri (1929–1965), magħruf bħala “il-Lavarist” jew “Tal-Pitrolju”. Kien għannej u makkjettist Għawdxi mill-aħjar u l-ħila ta’ kelmtu u s-simpatija kbira tiegħu kienu jiġbdu warajh il-folol Għawdxin u Maltin, kemm fis-serati u l-konkorsi tal-għana kif ukoll fil-jiem tal-Karnival. Imma billi miet ħesrem ta’ 35 sena u ma laħqux saru diski tiegħu, tista’ tgħid li llum jaħasra ntesa. Mill-makkjetti tiegħu, madankollu, għadna nistgħu napprezzaw il-ħila tiegħu, kif ukoll is-sehem ewlieni li kellu fl-iżvilupp tal-makkjetta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, żmien li laqqa’ flimkien ħafna kurrenti mużikali, lokali u barranin. It-taħdita saret nhar it-Tlieta, 21 ta’ Marzu 2017 fl-ELT tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6:00pm. Din kienet taħdita mis-sensiela tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali.
Segwi hawn: Manwel Mifsud , Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim , 21 ta’ Marzu 2017