Nomenklatura Ekkleżjastika

It-Tlieta 11 ta’ Mejju fis-6:00pm Vince Galea se jitkellem fuq in-Nomenklatura Ekkleżjastika fuq Zoom.
Biex tidħol issegwi t-taħdita agħfas fuq din il-ħolqa: https://universityofmalta.zoom.us/j/91837948457

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Screen Shot 2021-04-20 at 09.44.05

Kull qasam tal-ħajja jkollu marbut miegħu kliem partikolari li jkun jirreferi għal affarijiet speċifiċi marbuta ma’ qasam partikolari. Hekk ukoll min ikun midħla tal-knisja jew aħjar tal-ħajja fis-sagristija u l-madwar jagħmel użu minn lessiku partikolari biex jirreferi għal oġġetti partikolari li ġeneralment jintużaw fil-knisja. It-taħdita se tiffoka fuq dan ir-reġistru li fih insibu kliem li sfortunatament qed jintilef. Isir aċċenn għall-ilbies tal-qassisin u r-reliġjużi u ħwejjeġ li jintlibsu waqt il-funzjonijiet, li jissejħu “paramenti sagri”.

Vincent Galea studja fl-Università ta’ Malta u ggradwa bħala għalliem fl-1994. F’dawn l-aħħar 27 sena għallem il-Malti fl-Iskejjel tal-Istat u fil-preżent huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija.

Minħabba li trabba fil-Belt Valletta, qrib il-knisja tal-Portu Salvu, sa minn kmieni interessa ruħu f’ dak kollu li kien isir f’diin il-knisja u fi knejjes oħra fil-qrib. Barra minn hekk, diversi membri tal-familja tiegħu kienu involuti fl-armar u t-tiżjin tal-istess knejjes. Evantwalment beda jieħu ħsieb il-knisja tal-Monasteru ta’ Santa Katerina fil-Belt, xi ħaġa li issa ilu jagħmel għal aktar minn tletin sena.

Matul iż-żmien għaraf jgħaqqad l-imħabba lejn il-lingwa Maltija u dak kollu li hu Malti mad-delizzju tal-armar tal-knejjes u għalhekk jagħmel ħafna xogħol ta’riċerka fuq diversi aspetti tal-folklor reliġjuż. Ilu tletin sena fil-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes u issa ilu għaxar snin president tal-għaqda. Jikkontribwixxi b’diversi artikli ta’ natura folkloristika u reliġjuża fil-perjodiku li toħroġ l-għaqda kull xahrejn.

Aktar tagħrif: https://www.facebook.com/events/476763610414478

 

 

Ara Aktar