Stejjer tal-Ewwel Emigranti Maltin fl-Awstralja

It-Tlieta 25 ta’ Mejju fid-9.00am, Adrian Grima se jintervista lir-riċerkatur magħruf Malti-Awstraljan Mark Caruana dwar l-istejjer li rrakkontaw l-ewwel emigranti Maltin fl-Awstralja.

Din it-taħdita se tkun fuq Facebook u fuq Zoom u jista’ jattendi kulħadd. Kemm tagħfsu hawn: https://universityofmalta.zoom.us/j/99275683172

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

L-istorja tal-emigrazzjoni Maltija fl-Awstralja inġabret mhux mill-kotba, il-gazzetti, u d-dokumenti imma minn fomm l-ewwel emiganti f’għamla ta’ intervista strutturata fuq cassette jew fuq video, bil-Malti jew bl-Ingliz. X’jiftakru dwar kif issetiljaw f’art strangiera? X’diffikultaijiet kellhom jegħlbu? Għaliex telqu minn Malta? Kien il-faqar li ġegħelhom jitilqu? Semgħu affarijiet sbieħ dwar l-Awstralja? Kellu min jilqagħhom meta waslu? L-istorja orali għandha l-importanza unika tagħha, u meta timxi id f’id mal-istorja dokumentata, il-fatti joħorġu aħjar.

Mark Caruana twieled Tas-Sliema u emigra l-Awstralja f’Jannar tal-1973. Ilu membru attiv tal-komunità Maltija f’Sydney mill-1975. Kiteb għadd ta’ artikli dwar l-istorja orali tal-emigranti u intervista bil-Malti u bl-Ingliż lil għadd kbir ta’ emigranti Maltin tal-bidu, jiġifieri dawk li waslu bejn l-1912 u l-1940. Dawn l-intervisti antiki għamilhom fuq 120 audio cassette u video tape iżda llum juża video recorder diġitali jew Zoom biex jirrekordja l-intervisti mal-emigranti li waslu wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Mark Caruana jemmen bis-sħiħ li l-aħjar mod kif tiddokumenta l-istorja orali huwa billi taħdem ma’ ħaddieħor fi proġett ta’ kollaborazzjoni u koperazzjoni. Għalhekk ħadem mill-qrib mar-riċerkatur George H. Griffiths, li emigra fl-1948, u ma’ Dr Barry York mill-Biblijoteka Nazzjonali tal-Awstralja f’Canberra li fid-dottorat tiegħu ħadem fuq l-istorja tal-emigrazzjoni Maltija. Flimkien ħarġu l-ktieb Oral History: a practical guide based on Maltese migration and settlement in Australia, ippubblikat f’Canberra mis-Centre for Immigration & Multicultural Studies, Research School of Social Sciences, Australian National University fl-1993 u mbagħad fl-1996. Ħadem ukoll mill-qrib mal-Prof Helen Armstrong waqt li kienet qed tħejji l-ktieb tagħha Migrant Heritage Places in Australia, a handbook for Group Co-ordinators, proġett tal-Australian Heritage Commission.
Barra minn hekk, Mark Caruana ħadem fuq proġett li beda jirrekordja l-istorja orali tal-Maltin li marru jgħixu New Zealand. Il-koordinatriċi tat-tim li mexxa dan il-proġett ta’ riċerka kienet il-Prof. Carmen Dalli mill-Victoria University Wellington.
Mir-reġistri tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta f’dak li kien l-Isptar ta’ Santu Spirtu r-Rabat Mark Caruana bena arkivju imprezzabbli ta’ rapporti tas-sanità fuq il-vapuri u applikazzjonijiet għall-passaport ta’ bejn l-1815 u l-1939 li fih aktar minn 100,000 applikazzjoni. Bena wkoll arkivju tal-passiġġieri Maltin li żbarkaw fuq Ellis Island, New York fl-Istati Uniti tal-Amerka u l-portijiet iżgħar ta’ Boston, Philadelphia, Rhode Island, Baltimore, California u New Orleans. Dawn l-entrati, madwar 23,000, ikopru medda ta’ 137 sena mill-1820 sal-1957. Mill-1946 sal-1957 uħud mill-emigranti Maltin bdew isiefru bl-ajru u dawn huma inklużi wkoll fl-arkivju.
Bħalissa Mark Caruana qed jibni database tal-passaporti kollha li ħarġu minn Malta bejn l-1900 u l-1939 biex tintuża fl-istudji tal-migrazzjoni. Qed jaħdem ukoll fuq database tal-Maltin li marru l-Kanada u l-Istati Uniti mill-bidu tas-seklu dsatax, proġett bi sħab ma’ Dan Brock minn Toronto, il-Kanada. F’Jum l-Awstralja tal-2020, Mark Caruana ingħata l-unur prestiġjuż tal-Order of Australia Merit (OAM) għall-ħidma tiegħu b’risq il-komunità Maltija. Mark Caruana huwa miżżewweġ lil Antoinette Caruana u għandhom tliet ulied u sitt neputijiet.

 

Ara Aktar