Taħdita Pubblika fuq il-Lingwa u l-Metalingwa minn Dr Slavomír Čéplö

Nhar l-Erbgħa, 24 ta’ Jannar 2024 fil-5.00pm, il-lingwista Dr Slavomír Čéplö se jagħmel taħdita bl-Ingliż fuq “Language and metalanguage: How I started to worry about linguistics and not because of ChatGPT” fil-bini tal-Valletta Campus, Triq San Pawl, il-Belt, f’kamra nru 102. Dr Slavomír Čéplö ġej Malta bħala l-mistieden tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta.

Il-lingwistika moderna qed tħabbat wiċċha mal-babaw tal-LLMs, jew “large language models.” Dawn il-mekkaniżmi kapaċi joħolqu kontenut ġdid billi jibnu fuq dak li jkunu tgħallmu mit-taħriġ tagħhom fuq ammonti kbar ħafna ta’ testi. Imma Dr Čéplö mhux se jitkellem ChatGPT: aktarx lanqas se jsemmih. Minflok se jitkellem fuq kwistjonijiet endemiċi eqdem minn dik taċ-ChatGPT li d-dell tagħhom għadu jinħass fuq il-lingwistika moderna, bħall-“groupthink,” il-“myopia,” il-metalingwa, u l-mod kif il-manwali bdew ifaqqsu ma’ kullimkien. Se jipprova juri x’hemm ħażin f’dawn l-affarijiet, u jitkellem fuq għaliex għandna nħabblu rasna fuqhom, u kif nistgħu nsewwuhom.

Slavomír Čéplö kiseb dottorat fil-Lingwistika Matematika miċ-Charles University ta’ Praga fl-2018. Xandar studji fuq il-Malti, id-djalettoloġija tal-Għarbi, il-lingwistika Kreola, u l-apokrifa Kristjana. F’dawn l-aħħar snin ħadem mill-qrib mad-Dipartiment tal-Malti.

Din it-taħdita pubblika ta’ Dr Slavomír Čéplö hija miftuħa għall-akkademiċi, għall-istudenti u għall-pubbliku ġenerali. Dawk li jixtiequ jattendu m’għandhomx għalfejn jinkitbu minn qabel.

Aktar tagħrif: https://www.facebook.com/events/1324494067912577/

 

 

Ara Aktar